Illum f’Palazzo de Piro, fl-Imdina se ssir laqgħa oħra tal-MED 9, dik tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin tad-disa’ pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Unjoni Ewropea.
Din il-laqgħa, li se ssir fl-Imdina, se tkun qed tlaqqa lill-Ministri u s-Segretarji tal-Istat mill-Italja, Spanja, Franza, il-Portugall, il-Greċja, Ċipru, il-Kroazja u s-Slovenja.
Dawn il-Ministri se jkunu qed jintlaqgħu mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Malti, Ian Borg.
Din mhijiex l-ewwel laqgħa Ministerjali li qed issir f’pajjiżna tal-MED 9. Dan hekk kif f’Mejju li għadda, il-Ministri tal-Enerġija minn dawn id-disa’ pajjiżi ltaqgħu f’Malta, fejn hemmhekk kien hemm qbil dwar it-triq ’il quddiem fl-enerġija.
Wara l-laqgħat ta’ dalgħodu, aktar tard ir-rappreżentanti minn dawn id-disa’ pajjiżi mistennija jindirizzaw lill-midja dwar dak li jkun hemm qbil dwaru.
Fil-ftuħ ta’ dan is-Summit, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropew, Ian Borg sostna dwar l-importanza ta’ din il-laqgħa, li tgħaqqad flimkien lil dawn il-pajjiżi fir-reġjun Mediterranju.
Hawnhekk huwa tkellem dwar suġġetti komuni li jolqtu lil dawn il-pajjiżi.
Dr Borg semma kif fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju li għadda, il-mexxejja Ewropej qablu dwar aktar sħubija ma’ pajjiżi ġirien Ewropej.
Huwa tkellem ukoll dwar il-qalba ekoloġika, anki minħabba t-tibdil fil-klima.
Fost it-temi li qed jiġu diskussi hemm iż-żieda ta’ aktar tkabbir tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, it-tibdil fil-klima u l-migrazzjoni.
Din il-laqgħa qed issir bi preparazzjoni għal-laqgħa tal-MED 9, li ssir bejn il-mexxejja ta’ dawn id-disa’ pajjiżi, fid-29 ta’ Settembru li ġej. Dawn se jitlaqgħu mill-Prim Ministru Malti, Robert Abela.