Il-Ġimgħa waranofshinhar, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea, fosthom il-Ministru Malti Evarist Bartolo, se jiltaqgħu sabiex jiddiskutu d-dettalji tas-sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.
Dawn is-sanzjonijiet ħorox mill-Unjoni Ewropea se jsiru wara l-invażjoni Russa fl-Ukrajna u li se tassigura li l-President Russu Vladimir Putin ifalli.
Il-Kunsill tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin se jitlaqqa’ wara l-Kunsill Ewropew speċjali fi Brussell, fejn iltaqgħu l-mexxejja Ewropej fosthom il-Prim Ministru Malti Robert Abela.
F’dan is-Summit Ewropew, il-Prim Ministru Robert Abela qal kif pajjiżna għamel analiżi tas-sitwazzjoni dwar l-impatt ta’ din il-gwerra, bil-Prim Ministru jgħid kif Malta mhux se jkollha impatt sinifikanti.
Dr Abela saħaq kif il-Gvern qed jagħti garanzija lill-poplu Malti u Għawdxi li l-prezzijet tal-enerġija u l-gass se jibqgħu stabbli, tkun xi tkun is-sitwazzjoni.