Familja ta’ erba’ persuni li s-sena l-oħra ħallset madwar seba’ mija u ħamsa u tletin ewro fil-kont tad-dawl, kien ikollha tħallas aktar minn ħames mija u għoxrin ewro iżjed, li kieku l-Gvern ma nvestiex fis-sussidji.
Spjegat dan il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli, fil-Parlament. Dan hekk kif Gvern Laburista żamm stabbli l-kontijiet tad-dawl u fuels għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin.
Innotat kif il-politika tal-Partit Nazzjonalista hi differenti, hekk kif Bernard Grech tkellem kontra s-sussidji, waqt li qal li jekk il-kontijiet tad-dawl joghlew b’mod internazzjonali, joghlew lokalment.
“Aħna bil-fatti, naraw li nkunu qegħdin ngħinu lin-nies li l-iktar għandhom bżonn u jiena llejla kont nistenna li l-mozzjoni tal-PN tagħmel referenza għall-istabbilità fil-prezzijiet tal-enerġija però, għal darb’oħra dak ma rajnihx għaliex jirrifletti wkoll id-diskors l-aktar riċenti min-naħa tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista.”
MIRIAM DALLI
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana nnota l-iżbalji hemm f’din il-mozzjoni mressqa mill-Partit Nazzjonalista.
Il-Ministru Caruana semma li ftit li xejn hemm sustanza f’din il-mozzjoni mressqa mill-Oppożizzjoni.
“F’dak kollu li qed tgħid l-Oppożizzjoni, ftit hemm xi wieħed jista’ jomgħod, ilgħaliex fil-verità, meta wieħed ifittex, isib illi ftit hemm sustanza.”
CLYDE CARUANA
Il-Ministru Clyde Caruana nnota kif il-fabbriki, in-negozji u l-familji kellhom l-ogħla kontijiet tad-dawl fl-Ewropa fi żmien Gvern ta’ GonziPN, waqt li llum il-ġurnata, pajjiżna għandu l-irħas kontijiet fl-Ewropa, ferm inqas minn kemm qed iħallsu l-Ewropej.
Il-Ministru Caruana nnota d-differenza bejn iż-żewġ partiti.
“Din hija d-differenza bejn iż-żewġ naħat, meta l-pajjiż kien ma jiflaħx, ħaddieħor ġabu agħar, meta l-pajjiż ikollu bżonn f’din in-naħa tal-kamra appoġġ isib, u dak li se nkomplu nagħmlu llum fix-xhur us-snin li ġejjin.’’
CLYDE CARUANA