Il-Gvern Malti permezz tal-Ministri Helena Dalli u Owen Bonnici saħqu li t-talba għal inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia minn ħames ewroparlamentari fosthom David Casa hija motivata politikament u hija intiża biss biex tagħti l-impressjoni li wara dan il-qtil hemm l-Istat Malti.
F’ittra mibgħuta lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans u lill-Kummissarju għall-Ġusita Vera Jourova, il-Ministri Dalli u Bonnici insistew li l-Gvern mhux qed jillimita bl-ebda mod ir-riżorsi li qegħdin jintużaw fl-investigazzjoni.
Qal li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin fl-istess waqt li ġew arrestati u mixlija tliet persuni bil-qtil ta’ Caruana Galizia. Huma esprimew id-dispjaċir tagħhom lil l-ħames ewroparlamentari qed jipprovaw jiskreditaw l-investigazzjonijiet.
Il-Ministri żiedu jgħidu li t-talba li qed issir taqa’ fil-parametri tal-investigazzjoni li qed jagħmel il-maġistrat inkwerenti u l-Pulizija.
Fakkru li pajjiżna jimxi b’mod sħiħ mal-prinċipju tas-saltna tad-dritt u li meta l-Prim Ministru ġie kkonfrontat b’allegazzjonijiet serji, issoġġetta lilu nnifsu għal inkjesta minn maġistrat indipendenti li kkonkluda li l-allegazzjonjiet mhux biss kienu foloz iżda sar frame up fuqu u familtu permezz ta’ dokumenti foloz.
Il-Ministri sostna li Malta lesta li titkellem mal-kummissjoni u entitajiet internazzjonali biex jagħti stampa ċara u fattwali tas-sitwazzjoni.
[pdf-embedder url=”http://www.one.com.mt/wp-content/uploads/2018/10/Letter-MJCL.pdf” title=”Letter MJCL”]