Illum f’Dar il-Mediterran fil-Belt Valletta qed issir laqgħa Ministerjali bejn disa’ pajjiżi tal-Mediterran dwar is-settur turistiku, bl-isem ta’ Mediterranean Tourism Forum Ministers’ Summit.
Dawn jinkludu Malta, Spanja, Kroazja, Ċipru, il-Ġreċja, Libja, Italja, il-Palestina u l-Eġittu.
Dawn il-Ministri u d-delegazzjonijiet minn madwar ir-reġjun tal-Mediterran se jiġu milqugħa mill-Ministru għat-Turiżmu Malti, Clayton Bartolo.
Matul din il-laqgħa għolja se jsiru żewġ laqgħat, waħda dwar is-sostennibilità fis-settur turistiku, waqt li t-tieni laqgħa se titratta d-diġitalizazzjoni.
F’kummenti mal-midja qabel dan is-summit, il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal li din il-laqgħa se twassal għal aktar koperazzjoni ma’ dawn il-pajjiżi f’dan is-settur. Sostna li flimkien irridu naraw it-triq ’il quddiem biex l-isfidi preżenti jingħelbu f’opportunitajiet. Il-Ministru Bartolo tenna li dawn il-pajjiżi jridu jingħaqdu flimkien biex negħlbu l-isfida tat-tibdil fil-klima, li affettwat mhux ftit lis-settur tal-Mediterran.