Il-Gvern Malti offra koperazzjoni mill-Università ta’ Malta u mill-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija, fit-tagħlim tal-Ingliż, kif ukoll permezz ta’ programmi edukattivi li jibnu l-ħiliet u l-valuri personali li jikkontribwixxu għall-ħolqien tax-xogħol u biex il-problemi u t-tilwim jissolvew mingħajr vjolenza.
Dan waqt żjara fi Tripli mill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fejn iltaqgħu mal-Ministru tal-Edukazzjoni Othman Abdul, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Mohamed Siyala u mad-Deputat Prim Ministru Ahmed Maiteeq f’laqgħat.
Il-Ministru Evarist Bartolo saħaq li l-aqwa arma li għandha bżonn il-Libja għal futur ta’ paċi u progress hija żgħażagħ edukati sew biex jibnu l-pajjiż u s-soċjetà tagħhom u jgħixu u jgawdu mill-ġid kbir li għandhom.
Dan filwaqt li l-Ministru Justyne Caruana qalet li matul il-laqgħat kien hemm diskussjonijiet konkreti dwar triq ’il quddiem u ż-żewġ pajjiżi laħqu ftehim reċiproku biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jibnu fuqhom.
Waqt iż-żjara tagħhom fi Tripli, iż-żewġ Ministri għamlu wkoll żjara ta’ korteżija lill-Isqof Malti Ġorġ Bugeja.