Fi Brussell, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, u l-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri attendew għall-Kunsill tal-Affarijiet Barranin konġunt.
Dan il-Kunsill sar fl-ewwel anniversarju mill-adozzjoni tal-hekk imsejħa Boxxla Strateġika tal-Unjoni Ewropea, li hija pjan ta’ azzjoni ambizzjuż maħsub biex, sal-2030, tissaħħaħ il-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà u d-difiża. Fil-laqgħa ġew diskussi l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna u l-għoti ta’ aktar assistenza lill-Ukrajna biex tiddefendi s-sovranità tagħha.
Fl-intervent tiegħu fil-Kunsill, il-Ministru Ian Borg fakkar li l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna tikser il-prinċipji tal-Liġi internazzjonali. Tkellae favur it-tisħiħ tal-koalizzjoni internazzjonali li topponi din l-agressjoni.
“U hemmhekk spjegajt kif irridu nkunu intelliġenti li nżidu u nkabbru l-koalizzjoni, ħalli nkunu aktar effettivi. Qed nirreferi l-iżjed f’dak li għandu x’jaqsam price cap u kif jaffettwa d-dinja marittima u anki r-reġistru marittimu, illi pajjiżna għandna l-akbar wieħed fl-Ewropa.”
Dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna, il-Ministru Borg afferma mill-ġdid li Malta se tibqa’ tagħti l-appoġġ tagħha lill-poplu Ukren, primarjament permezz ta’ provvisti umanitarji u prodotti oħrajn.
Intant, Malta ngħaqdet ma’ diversi Stati membri oħrajn tal-Unjoni f’inizjattiva mmexxija mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, sabiex isir xiri konġunt ta’ diversi tipi ta’ munizzjon għall-forzi armati rispettivi tagħhom.
Dwar dan ikkummenta l-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri.
“Kellna wkoll l-iffirmar tal-ftehim, li issa għamlet taħt il-kappa tal-European Defence Agency, fejn Malta ngħaqdet ma’ diversi Stati membri Ewropej sabiex ikun hemm ftehim konġunt għax-xiri tal-munizzjon għall-konsum tal-Forzi Armati ta’ Malta fuq bażi Ewropea. Dan se jgħin b’diversi modi: mhux biss li ngawdu minn economies of scale, iżda wkoll is-security of supply li tant hemm bżonn f’dan iż-żmien partikolari.”