B’referenza għall-istatistika maħruġa mill-Eurostat fl-aħħar jiem dwar ir-rata ta’ mortalità fit-trabi fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, il-Ministeru għas-Saħħa jippreċiża li din l-istatistika ma tagħmilx distinzjoni bejn trabi li jkollhom anomalija konġenita (‘birth defect’) u trabi meqjusa b’saħħithom.
L-istatistika tal-Eurostat tkejjel it-trabi kollha li jmutu wara t-twelid, mit-trabi kollha li jkunu twieldu ħajjin f’sena f’pajjiż partikolari. F’ħafna pajjiżi Ewropej, trabi susspettati li għandhom riskju ta’ anomalija konġenita meta jitwieldu jiġu riferuti biex itemmu t-tqala. Din hija prassi li ma ssirx f’pajjiżna. Għaldaqstant, dawn it-trabi mhux se jkunu inklużi fir-rata ta’ kemm twieldu tfal ħajjin f’dak il-pajjiż partikolari, iżda jkunu inklużi fin-numru ta’ trabi mwielda ħajjin ta’ pajjiżi fejn din mhijiex prassi, bħal fil-każ ta’ Malta.
Ovvjament trabi b’anomalija konġenita għandhom riskju ferm akbar li jmutu wara li jitwieldu minn trabi oħra b’saħħithom.
Minn analiżi li saret f’pajjiżna fl-2015, irriżulta li 45.9% tat-trabi kollha li mietu f’pajjiżna bejn l-2009 u l-2013 kellhom anomalija konġenita.
Għaldaqstant, jekk wieħed janalizza l-figuri u jnaqqas l-istess proporzjoni ta’ trabi li jkunu mietu minħabba anomalija konġenita, ir-rata ta’ mwiet ta’ trabi f’pajjiżna hija ta’ 3.6 għal kull 1,000 tarbija li titwieled ħajja, eżatt daqs il-medja Ewropea.