B’referenza għall-istorja ppublikata minn The Times illum, intitolata ‘Mediation meeting with Electoral Commission and Identity Malta fails’, il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali għamilha ċara li l-kontenut tal-artiklu huwa biss invenzjoni tal-ġurnal u, fil-fatt, m’hu minnu xejn li fallew id-diskussjonijiet kordjali bejn Identity Malta u l-Kummissjoni Elettorali dwar punt legali.
Fi stqarrija l-Ministeru qal li l-ġurnal għażel li jinjora li bħalissa għaddejjin fi stadju avvanzat it-taħditiet immexxija mill-Ministru Bonnici dwar jekk ċittadin Malti ġdid għandux jiddaħħal ismu fir-reġistru elettorali meta jkun iddikjara hu stess minn jeddu li m’għandux ikollu d-dritt tal-vot.
“Mhux talli ma falliet ebda medjazzjoni, talli ż-żewġ naħat qed jifhmu iktar lil xulxin u d-diskussjonijiet mexjin fid-direzzjoni t-tajba”.
Kif diġà ntqal mill-Gvern diversi drabi, l-ismijiet kollha ta’ min jingħata ċittadinanza Maltija, inkluż bil-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment, jiġu ppubblikati kull sena fil-Gazzetta tal–Gvern; għalhekk m’hemm ebda kwistjoni ta’ ħabi kif hemm bl-iskema ta’ dejn sigriet li qed tħaddem l-Oppożizzjoni.
Il-ġurnal, sostna l-Ministeru, ibbaża l-istorja kollha tiegħu fuq sorsi anonimi, bla ma talab reazzjoni mill-Ministru li qed imexxi dawn it-taħdidiet, kif ukoll kumment ikkwotat għal kollox żbaljat mill-Kap tal-Kummissjoni Elettorali. Il-Ministeru huwa fil-fatt infurmat li l-Kap tal-Kummissjoni Elettorali diġà ċaħad kategorikament bil-miktub li ta kumment f’dan is-sens u talab lit-Times biex immedjatament tikkjarifika din l-istorja.
Il-Ministru Bonnici fakkar li r-regolatur indipendenti, li kien fdat minn Gvernijiet preċedenti bħala Kap tal-Kummissjoni Elettorali, faħħar il-mod serju li bih qed jaħdem il-Gvern, b’sistemi sofistikati ta’ skrutinju u verifika, mfissra mir-regolatur bħala inkoraġġanti u indikazzjoni ċara tas-suċċess enormi tal-programm.
L-istqarrija ttemm tgħid li l-programm ta’ ċittadinanza b’investiment sab ukoll l-approvazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tal-140 aġent li qed jieħdu sehem fih, u tal-persuni ta’ saħħa globali li jipparteċipaw fis-suċċess ta’ pajjiżna.