Aktar kmieni l-Erbgħa, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo kellu laqgħa mal-Malta Union of Teachers (MUT) fejn kien hemm qbil fuq il-passi li jmiss biex fejn hemm skejjel li qed jiffaċjaw problemi ta’ sigurtà, jingħataw l-appoġġ kollu meħtieġ.
Il-Ministru saħaq li kienu, u se jkomplu jittieħdu l-passi kollha meħtieġa biex kulħadd jifhem li imġiba vjolenti u attitudni aggressiva fl-iskejjel mhijiex aċċettabbli. Kemm l-edukaturi kif ukoll l-istudenti għandu jkollhom skejjel siguri u protetti minn imġiba vjolenti.
Sa mill-bidu nett tal-leġiżlatura preċedenti l-Ministeru ħa numru ta’ inizjattivi bħal politika ‘Respect for All’ u żieda ta’ riżorsi umani fil-qasam tal-appoġġ soċjali fl-iskejjel, u ser ikun qiegħed ikompli biż-żidiet fl-investiment kif imħabbra fil-budget li għadda, għal aktar sigurtà fl-iskejjel.
Skola mhijiex biss binja iżda hija komunità, u bħal kull komunità oħra r-rispett reċiproku bejn il-membri tagħha, f’dan il-każ; ġenituri, studenti u edukaturi, għandha tkun l-ewwel prijorità.