Ġie ssiġġillat l-aħħar ftehim soċjali għas-sena 2023 bejn il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal mas-Salesjani ta’ Don Bosco li jmexxu Dar Osanna Pia u Dar Mamma Margherita.
Dan il-finanzjament mifrux fuq tliet snin, se jkun ta’ aktar minn miljun ewro.
Dawn ir-residenzi jilqgħu fi ħdanhom ġuvintur ta’ bejn it-18 u l-25 sena, li jkunu spiċċaw bla saqaf fuq rashom, mingħajr assistenza u lanqas ma jkunu jistgħu jaffordjaw jgħixu b’mod indipendenti f’residenza privata.
Għaldaqstant dawn iż-żewġ residenzi jħejju u jippreparaw lil dawn iż-żgħażagħ, sabiex b’mod gradwali jissaħħu u jitgħallmu jieħdu d-deċiżjonijiet f’waqthom, filwaqt li jippjanaw il-finanzi tagħhom.
Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt żjara li għamel f’waħda mir-residenzi, flimkien mat-tmexxija tas-Salesjani f’Malta.
Din l-għajnuna finanzjarja se tiggarantixxi s-servizzi ta’ programmi offruti huma fuq bażi semi-indipendenti u jimxu skont l-esiġenzi tal-individwu. Aktar minn hekk, se jingħata servizz ta’ 14-il sodda f’Dar Osanna Pia u 7 sodod f’Dar Mamma Margherita.
“Li tagħmel ftehim għal darba oħra mas-Salesjani biex ngħinu liż-żgħażagħ tagħna li jkollhom dik l-opportunità li jilħqu l-potenzjal tagħhom hija sabiħa wisq. Naħseb mhux biss matul dan il-perjodu imma l-feeling li aħa nibqgħu ngħinu lil xulxin għandu jkun magħna s-sena kollha.”
Intant, il-Ministru Michael Falzon ħabbar kif għas-sena d-dieħla hemm allokati €12-il miljun oħra sabiex jitkompla l-finanzjament ta’ ftehimiet illi diġà hemm ma’ diversi għaqdiet mhux governattivi.
Ma’ dawk eżistenti ser jingħaqdu żewġ ftehimiet ġodda, wieħed ma’ Dar Kenn Għal Saħħtek u ieħor mal-Fondazzjoni Karl Vella.
Min-naħa tiegħu, Father Paul Spiteri spjega li permezz ta’ taħriġ u ħidma kontinwa jkomplu jissaħħu l-emozzjonijiet u l-imġieba tal-ġuvintur, minħabba l-fatt li ħafna drabi jkunu affettwati b’mod negattiv b’dak kollu li jkun qed jiġri madwarhom.
Spiteri tenna li l-għan aħħari huwa li jaraw li kull żagħżugħ jintegra sew fil-komunità u jkun kapaċi jibni futur, familja u karriera f’dak li verament jixtieq.
“Aħna naħdmu ħafna maż-żgħażagħ, żgħażagħ li huma forsi mwarbin fis-soċjetà u huwa avveniment fejn inkomplu ngħinu, naħdmu flimkien anka mal-Gvern b’għajnuna finanzjarja biex inkomplu nagħmlu x-xogħol tagħna u ngħinu lil min hu bagħtut.”