Fl-aħħar sigħat saret laqgħa bejn il-GWU u t-tmexxija ta’ Steward Heathcare Malta bil-parteċipazzjoni tal-Ministeru għas-Saħħa.
Matul din il-laqgħa ġew diskussi diversi punti fosthom li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema jibqgħu l-istess u li l-ħaddiema jibqgħu impjegati mal-Gvern u li s-servizz fl-Isptar San Luqa, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex u l-Isptar Karen Grech jibqa’ b’xejn għall-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li jinsab sodisfatt li l-unions fil-qasam tas-saħħa qegħdin jilqgħu b’ottimiżmu t-tmexxija ta’ Steward Healthcare. “Fl-aħħar ġimgħat, flimkien mat-tmexxija ġdida ta’ Steward Healthcare, kellna diversi laqgħat mal-unions konċernati f’pajjiżna. Ninsab sodisfatt li qegħdin naraw entużjażmu kbir għal dan il-proġett”, qal id-Deputat Prim Ministru.
Nadine Delicata, iċ-Chief Operating Officer ta’ Steward Healthcare, qalet li dan se jkun żmien eċitanti għal dawn it-tliet sptarijiet u l-ħaddiema kollha li jaħdmu fihom. “Il-ħaddiema f’kull livell se jkunu parti kruċjali mill-bidla f’dawn l-isptarijiet li se jwassal għal servizz aħjar għall-pazjenti tagħna”, qalet Nadine Delicata.
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja qal li jinsabu sodisfatti li nfetaħ djalogu bejn Steward Healthcare u l-Ministeru għas-Saħħa. “Il-ħaddiema tagħna f’dawn l-isptarijiet se jibqgħu ħaddiema tal-istat bil-kundizzjonijiet kollha milħuqa fi ftehmiet li jkun hemm mal-gvern. Ninsabu ottimisti li Steward Healthcare f’Malta se toffri oppportunitajiet lil ħaddiema tagħna biex ikompli jitjieb is-servizz tas-saħħa f’pajjiżna”, qal Josef Bugeja.