Tim ta’ professjonisti mid-Dipartiment tal-Promozzjoni għas-Saħħa, kif ukoll tim ta’ professjonisti mid-Dipartiment għall-Kura Primarja, il-Ħamis ingħaqqdu fil-kunsill lokali ta’ Raħal Ġdid fejn taw bidu għal proġett li se jara s-servizzi tas-saħħa jinżlu aktar qrib in-nies fil-kommunità.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne qal li x-xogħol tal-Ministeru għas-Saħħa mhuwiex biss biex ifejjaq il-mard, iżda li jara li n-nies jgħixu ħajja b’saħħitha.
“Għaldaqstant minn din il-ġimgħa, professjonisti fil-qasam tas-saħħa se jkunu qegħdin jduru l-lokalitajiet, u bi ftehim mal-kunsilli lokali jtellgħu sessjonijiet ta’ informazzjoni fuq kif wieħed għandu jgħix aħjar. Ta’ kull ġimgħa se nkunu qegħdin induru lokalitajiet differenti fejn inwasslu diversi messaġġi u informazzjoni fuq id-diversi servizzi li noffru,” qal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa.