Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ħabbar, permezz ta’ stqarrija, li bagħat avviż ta’ terminazzjoni lill-kuntrattur responsabbli mill-proġett tal-hub reġjonali tas-saħħa f’Raħal Ġdid.
Din id-deċiżjoni ttieħdet wara perjodu ta’ evalwazzjoni, li matulu l-Ministeru, flimkien mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, esploraw kull triq possibbli biex jevitaw dan l-eżitu u, fuq kollox, id-dewmien biex jitlestew ix-xogħlijiet.
Sfortunatament, minkejja l-aħjar sforzi u t-tentattivi ripetuti, il-kuntrattur ripetutament naqas milli jilħaq l-iskadenzi kritiċi u wassal biex il-proġett kompla jesperjenza dewmien.
Minħabba f’hekk, il-Fondazzjoni Għas-Servizzi Mediċi ħarġet diversi penali, skont kif stabbilit mit-termini tal-kuntratt u r-rekwiżiti legali, li ammontaw għal madwar żewġ miljun ewro, waqt li l-Ministeru spiċċa fi proċess ġudizzjarju kontra l-kuntrattur, li issa wasal fl-istadju finali tiegħu.
Fl-istqarrija ntqal li, wara li ġew eżawriti l-għażliet l-oħrajn kollha, ġie determinat li t-terminazzjoni tal-kuntratt bħala l-unika soluzzjoni vijabbli biex jiġi żgurat li l-hub reġjonali jitlesta u jitwassal lill-pubbliku kemm jista’ jkun malajr.
Intqal kif il-kuntrattur dejjem tħallas dak li hu dovut lilu, skont il-kuntratt, madankollu l-Ministeru għandu obbligu wkoll li jħares li l-fondi pubbliċi jintużaw fl-aħjar interess tal-poplu.
Il-hub reġjonali, li ngħata l-isem għall-eks Ministru għas-Saħħa Ċensu Moran, se jkun qed joffri diversi aspetti tal-kura primarja, inkluż b’Emerġenza, u se jservi lil madwar mitejn elf persuna. Dan kollu sar b’investiment ta’ aktar minn erbgħin miljun ewro.
F’kummenti lil ONE News, il-Ministru responsabbli Jo Etienne Abela qal li l-ewwel prijorità tibqa’ s-saħħa tal-pazjenti, bil-Gvern impenjat li jwassal din il-faċilità kruċjali mingħajr aktar dewmien.
“Dan hu proġett tas-saħħa fejn il-pazjent għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox. Jekk kien hemm diversi dati, diversi timelines, li l-kuntrattur ma onorax, dan mhuwiex aċċettabbli għalina u kellna paċenzja biżżejjed, naħseb. Rajna x’toroq nistgħu nużaw biex niżblokkaw is-sitwazzjoni bil-kelma t-tajba, imma ovvjament kien hemm penali li l-kuntrattur kien qiegħed jiġma’ waħda wara l-oħra, fejn qed nitkellmu fuq aktar minn €3,000 multa kuljum, talli l-proġett kien għadu ma tlestiex.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela
Spjega kif, issa, dawn il-multi ammontaw għal aktar minn €2 miljun u għaddej arbitraġġ għal dan il-għan, bil-Gvern ma jridx jaħrab minn dak il-proċess fejn lesti li jkun onorat, però qed jistennew li l-parti l-oħra tagħmel l-istess. Tenna li hekk kif dawn huma proġetti tas-saħħa, mhux se jiġu ttollerati xi rikatti.
Il-Ministru kompla jgħid li se jaħdem bla heda biex jiżgura li l-faċilità tkun operattiva mal-ewwel opportunità u b’hekk biex tkun tista’ tibda taqdi lill-komunità u ttejjeb is-servizzi tal-kura tas-saħħa f’pajjiżna.
Semma kif it-tilwima, li nqalgħet, hi fuq dik ta’ ċertifikazzjoni tal-binja, primarjament ta’ compliance, li mingħajrhom sptar ma jistax jiġi użat.
Hu, għalhekk, importanti li tkompli l-ħidma flimkien ta’ kuntratturi oħrajn, jekk hemm bżonn, biex dawn isiru u jkun jista’ jibda jopera b’mod sħiħ.
“Jekk il-kuntratt ħa jingħalaq, fejn ovvjament hemm perjodu żgħir ta’ tranżizzjoni, aħna flimkien mal-FMS, irridu mmexxu ma’ subcontractors oħrajn biex dawn iċ-ċertifikati niksbuhom għall-pazjent, mhux għalina. Il-pazjent u l-ispeċjalisti jriduhom dawn is-servizzi u aħna, għalhekk, din id-deċiżjoni determinata.”
Il-Ministru Jo Etienne Abela