Fi stqarrija, il-Ministeru għas-Saħħa qal li, b’reazzjoni għal allegazzjonijiet li feġġew fuq portals barranin ilbieraħ dwar il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, din kienet l-ewwel darba li tali allegazzjonijiet ġew għall-attenzjoni tad-Deputat Prim Ministru u tal-Uffiċjali tal-Ministeru.
Ilbieraħ, Carmen Ciantar offriet li tissospendi ruħha mill-kariga tagħha waqt li tieħu l-miżuri legali kolllha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiddefendi isimha u l-integrità tagħha. Hija qalet li din id-deċiżjoni tagħha bl-ebda mod ma hija ammissjoni ta’ xi ħtija min-naħa tagħha.
L-istqarrija tal-Ministeru għas-Saħħa qalet li “minkejja li l-allegati avvenimenti msemmija f’dawn l-artikli jikkwotaw dati li ġraw qabel l-impjieg tas-Sinjura Ciantar mal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi, u minkejja li hija rrifjutat l-allegazzjonijiet, id-Deputat Prim Ministru xorta ħass il-ħtieġa li jaċċetta, immedjatament, is-sospensjoni tagħha mill-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-FMS.”
Id-Deputat Prim Ministru appella lill-Pulizija u l-awtoritajiet ikkonċernati sabiex jaġixxu mill-iktar fis b’investigazzjoni tagħhom sabiex toħroġ il-verità kollha.