Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali għamel referenza għall-asserzjonijiet kompletament skorretti kontenuti f’xi sezzjonijiet tal-mezzi tax-xandir u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni b’rabta mal-każ ta’ fastidju u l-Orkestra Nazzjonali; liema każ ittieħdu proċeduri dwaru fil-Qrati tagħna u saħansitra diġà hemm sentenza mill-Qorti tal-Maġistrati fi proċedura minnhom.
Il-Ministeru sostna li kwalunkwe allegazzjoni li l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici jew il-Ministeru nnifsu prova b’xi mod jaħbi, hija għal kollox inveritiera u bla bażi.
Hawn intqal li l-Ministru Bonnici nnifsu aġixxa minnufih tant li saħansitra kien informa bil-miktub lill-Kummissarju inkarigata mill-ħidma kontra l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru u mill-ħidma kontra l-Vjolenza Domestika dwar l-allegazzjonijiet li waslu għandu verbalment. Dan biex ikun dan l-uffiċċju li bl-expertise li għandu jiggwida lill-impjegata skont dak meħtieġ f’ċirkostanzi bħal dawn. Ta’ min ifakkar li l-Kummissjoni hija stabbilita esternament mill-Orkestra Nazzjonali u l-Ministeru nnifsu.
“Eventwalment, hekk kif l-allegazzjonijiet tressqu formalment bil-miktub fl-ittra ta’ riżenja, twaqqaf ukoll Board estern u dan skont l-anti-sexual harassment policy tal-gvern,” qalet l-istqarrija.
Temm jingħad li l-istituzzjonijiet ħadmu.