Fi stqarrija l-Gvern qal li lest isaħħaħ ir-relazzjonijiet kummerċjali mal-Ġappun. L-oqsma kummerċjali li jistgħu jiġu promossi ma’ dan il-pajjiż jinkludu l-manifattura avvanzata, is-settur tas-servizzi, blockchain, it-turiżmu u t-tagħlim tal-lingwa Ingliża. Dan qalu l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Abela waqt laqgħa mal-Kamra tal-Kummerċ Malta-Ġappun li saret fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, il-Belt Valletta.
Il-Ministru Abela rrimarka li japprezza l-Kamra tal-Kummerċ Malta-Ġappun u x-xogħol li qed isir biex jitjiebu r-rabtiet kummerċjali bejn Malta u l-Ġappun. Żied li l-Ministeru jinsab lest biex jiffaċilita iniżjattivi mwettqa mill-Kamra biex jippromwovu l-kummerċ bejn iż-żewġ pajjiżi.
Tkellem dwar l-impenn ta’ Malta li tiftaħ ambaxxata fil-Ġappun fl-2020 bħala parti mill-istrateġija ħolistika tagħha biex tespandi l-orizzonti tagħha mad-dinja kollha. Bħalissa qed isiru preparamenti fl-identifikazzjoni tal-fond.
Il-Ministru Abela nnota li Malta appoġġjat politikament l-offerta tal-Ġappun biex tospita l-Expo Dinjija fil-belt ta’ Osaka bejn it-3 ta’ Mejju u t-3 ta’ Novembru 2025 bit-tema ‘Iddisinja Soċjetà tal-Ġejjieni għall-Ħajjiet Tagħna’.
Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Malta-Ġappun Anthony Micallef iddikjara li f’Malta bħalissa 44 kumpanija jesportaw lejn il-Ġappun inklużi prodotti lokali bħal Steel, Metal Alloys & Electrical Switches. Qal li bosta negozji oħra qed joqorbu lejn il-Kamra tal-Kummerċ Malta-Ġappun biex jesploraw l-intrapriża fil-marki kummerċjali Ġappuniżi, għall-ewwel darba. Żied li l-Kamra temmen bis-sħiħ li l-Ġappun huwa sieħeb fin-negozju importanti ħafna għal Malta minħabba l-volumi għoljin ħafna ta’ kummerċ bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi u l-potenzjal mhux sfruttat fl-iżvilupp tan-negozju.
“L-għan tagħna huwa li ntejbu l-livell tal-kummerċ billi ngħinu l-iżvilupp ta’ aktar opportunitajiet ta’ negozju bejn il-Ġappun u Malta”, qal is-Sur Micallef.
Il-Ġappun huwa s-sitt l-akbar sieħeb kummerċjali ta’ Malta barra l-UE. L-ogħla surplus kummerċjali ta’ Malta għall-2018 huwa mal-Ġappun b’importazzjoni li tlaħħaq madwar €67 miljun, l-esportazzjoni madwar €150 miljun bil-bilanċ kummerċjali jkun wieħed pożittiv ta’ madwar €84 miljun. 14-il stat membru mill-Unjoni Ewropea fl-2018 irreġistraw żieda fil-bilanċ kummerċjali mal-Ġappun, inkluża Malta.
Malta u l-Ġappun bnew relazzjoni qawwija ħafna matul is-snin iżda l-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika UE-Ġappun (EPA) li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2019, kompla jsaħħaħ dan.
Il-Kamra tal-Kummerċ Malta – Japan (MJCC) hija organizzazzjoni mhux governattiva li ġiet stabbilita f’Settembru 2017 bil-għan li tassisti kumpaniji jibnu kuntatti kummerċjali aktar b’saħħithom bejn il-Ġappun u Malta u billi taġixxi bħala konnessjoni bejn kumpaniji u awtoritajiet Ġappuniżi u Maltin.
Ir-rappreżentati preżenti min-naħa tal-Kamra tal-Kummerċ Malta-Ġappun kienu Anton Micallef – President, Stephanie Mizzi – Segretarju Ġenerali, Dr Joseph Pirotta – Teżorier u Jesmond Pace – Membru tal-Kunsill. Preżenti kien hemm ukoll l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Ġappun André Spiteri u l-Kap Eżekuttiv ta’ Trade Malta Anton Buttigieg.