Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal xejjen għal kollox l-allegazzjonijiet li għamel Roger Agius, wieħed mill-allegati mħuħ wara l-abbużi li saru fl-Assistenza għal Diżabbiltà Severa.
Fi stqarrija, il-Ministeru qal li dak li allega Agius, li sparixxew xi files mediċi, huwa assolutament gidba.
Hawn ġie rrimarkat kif kull file virtwali jew fiżiku mitlub mill-Pulizija ġie mgħoddi lilhom fl-intier tiegħu għall-investigazzjoni.
Il-Ministeru kompla jgħid li l-biċċa l-kbira tal-files huma virtwali u bis-sistema online, l-ebda dokument jew parti minnu ma tista’ titneħħa mingħajr ma jkun hemm traċċa ta’ dan, u kieku ġara dak li qed jivvinta Agius, faċilment jista’ jiġi identifikat.
Il-Ministeru fakkar kif mill-investigazzjonijiet li saru, jirriżulta li hemm 340 persuna li kienu qed jieħdu l-assistenza b’qerq, fosthom Agius stess, li għandu jirrifondi lura €43,398. B’din is-somma tkopri mill-11 ta’ Ġunju sat-3 ta’ Novembru tas-sena l-oħra.
Minn dan l-ammont, Agius għadu ma rrifonda xejn u lanqas għamel talba biex jidħol fi ftehim ta’ ħlas lura mad-Dipartiment.
Il-Ministeru temm jgħid li kkoppera bis-sħiħ mal-Pulizija sa mill-bidu u appella lill-Qorti biex tieħu nota tal-ksur regolari bażiku tal-ġustizzja f’każ li għadu ‘sub-judice’.