Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ċaħad kompletament allegazzjonijiet li m’aġixxiex dwar akkużi ta’ abbuż.
Dan wara rapporti li saru fil-midja, fejn allegatament intqal li kien hemm abbuż minn benefiċċji soċjali għal persuni b’diżabilità severa.
Intqal li d-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza f’dan il-Ministeru stess, is-sena l-oħra għaddiet informazzjoni lill-pulizija minn jeddha.
Dan wara li f’Settembru ta’ sena ilu, din id-diviżjoni ltaqgħet ma’ numru ta’ applikazzjonijiet fejn fihom kien hemm suspett ta’ allegat frodi jew iffalsifikar ta’ numru ta’ dokumenti mediċi.
Intqal li dan wassal biex twaqqaf 141 każ ta’ Assistenza Għal Diżabilità Severa, li wasslet biex bdew jinġabru lura dawn il-pagamenti li ma kinux mistħoqqa u li jammontaw għal €2.1 miljun. S’issa nġabru lura mat-€330,000.
Il-Ministeru temm jgħid f’din l-istqarrija li jibqa’ impenjat li jindirizza u jsaħħaħ il-ġlieda kontra kull forma ta’ abbuż soċjali, u jikkopera ma’ awtoritajiet oħra f’din il-ħidma.