Il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol jirreferi għall-konferenza tal-aħbarijiet tal-Oppożizzjoni iktar kmieni llum dwar każi ta’ serq. Filwaqt li kull każ irid jittieħed bis-serjetà, il-Ministeru jappella kontra allarmiżmu mingħajr bżonn u li mhux ibbażat fuq il-fatti.
Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Intern, ix-Xogħol u s-Sigurtà, fejn intqal li fil-fatt, filwaqt li l-kelliema tal-Oppożizzjoni tkellmu b’mod li jagħti l-impressjoni li llum hemm xi sitwazzjoni straordinarja u barra minn normal, il-fatti juru li dan mhux il-każ.
Il-Ministeru jfakkar li r-rapport dwar il-kriminalità f’Malta ppubblikat fl-aħħar jiem kompla juri tnaqqis fir-rata ta’ kriminalità. Fil-fatt, fejn jidħol serq ir-rapport jgħid li r-rata ta’ serq mir-residenzi baqgħet baxxa, bl-2024 immarkat it-tieni l-inqas rata qatt irrekordjata b’513 rapport ta’ serq minn residenzi, bl-anqas sena kienet l-2023 b’34 rapport anqas. Dan meta kkumparat ma’ 1,004 rapport ta’ serq minn residenzi fl-2012. Is-sena li għaddiet Malta rreġistrat ukoll l-inqas rata ta’ serq minn persuni armati, minn kemm ilha tinżamm l-istess informazzjoni. Fl-2024 kien irreġistrat l-inqas ammont ta’ serq minn vetturi u t-tieni l-inqas rata ta’ serq minn proprjetajiet, kemm dawk okkupati u dawk li mhux. Dan filwaqt li s-sena li għaddiet ukoll Għawdex irreġistra l-inqas ammonti ta’ serq fl-aħħar 20 sena, li kien in-nofs ta’ dak li kien irreġistrat fl-2006.
B’referenza għal każi ta’ serq fis-Swieqi, filwaqt li kull każ irid jittieħed bis-serjetà, tul is-snin il-każi ta’ serq mis-Swieqi naqsu u mhux żdiedu u l-ewwel xhur ta’ din is-sena mhux juru xejra mod ieħor. Fl-2012 kien hemm 60 serqa minn residenzi fis-Swieqi u s-sena li għaddiet kien hemm 25. Dan ifisser li dan inqas minn nofs ta’ dak li kien hemm fl-2012. Fl-ewwel tliet xhur tas-sena kien hemm erba’ każi.
Jerġa’ jingħad li dan ma jnaqqas xejn mis-serjetà ta’ kull każ, iżda lanqas huwa ġustifikazzjoni għall-attitudni tal-Oppożizzjoni li trid tnissel il-biża’ fejn m’hemmx bżonn.
Fl-istess ħin wieħed irid jibqa’ jaħdem fuq prevenzjoni, u l-koperazzjoni mal-pulizija f’dan kollu hija importanti ħafna. Il-Ministeru jfakkar ukoll fis-servizzi tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità għal dawk milquta minn każi bħal dawn.