Il-Ministeru għall-Ġustizzja wieġeb għall-konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Malta Union of Teachers dwar il-każ ta’ LSA li qed tiġi akkużata b’reati sesswali fil-konfront ta’ minuri.
Il-Ministeru għamilha ċara li l-ġudikatura titħalla tagħmel xogħolha b’awtonomija sħiħa u għalhekk la jindaħal u lanqas jiddiskuti l-mertu tal-kawżi individwali.
Biss, ippreċiża l-fatti.
Fil-każ imsemmi mill-MUT, il-kawża tħalliet għas-sentenza fis-27 ta’ Ottubru 2015 wara numru ta’ seduti allokati sew għall-prosekuzzjoni u sew għad-difiża biex fihom jinġiebu l- provi u jsiru l-kontro-eżamijiet.
Il-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud, tat is-sentenza tagħha fid-19 ta’ Novembru, 2015 – jiġifieri 23 ġurnata biss wara.
Kif għandu kull dritt li jagħmel f’awtonomija sħiħa, l-Avukat Ġenerali appella mis-sentenza nhar l- 10 ta’ DiĊembru 2015. L-appell gie assenjat biex jiġi deċiż fi żmien 13-il xahar minn mindu nbeda, jiġifieri nhar l-20 ta’ Jannar 2017.
B’mod ġenerali, ir-riforma fil-qasam tal-ġustizzja qed tħalli r-riżultati f’termini ta’ effiċenzja, kif anke stqarret il-Kummissjoni Ewropea nnifisha.
Statistika uffiċjali għall-ewwel sitt xhur tas-sena turi kif, fil-kamp kriminali, il-clearance rate kompliet tiżdied minn 104% għal 106% meta mqabbel mal-ewwel sitt xhur tas-sena ta’ qabel, li jfisser li qed ikomplu jinqatgħu iktar kawżi milli jidħlu. Id-dewmien ukoll naqas, l-istess kif naqas il-backlog bi kważi 100 kawża.
Fil-kamp ċivili, fl-ewwel sitt xhur tas-sena, l-clearance rate kompliet tiżdied minn 117% għal 127% fl-istess perjodu. Id-dewmien ukoll naqas, l-istess kif naqas il-backlog b’903 kawżi.
“Ma jfissirx li wasalna” qal il-Ministeru. Il-Gvern huwa determinat li jkompli jaħdem sabiex, b’enerġija bla preċedent, dan is-settur ikompli jimxi ‘l quddiem.
Intant, iktar kmieni llum, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici kellu laqgħa kordjali mal-MUT li fiha ġiet ippreżentata lilu petizzjoni favur sistema tal-ġustizzja iktar umana.