Il-Ministeru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza jagħmel riferenza għal dak ippubblikat illum f’The Sunday Times of Malta, intitolat ‘Malta delays the start of EU office to fight corruption’, u jirrileva li dan ir-rapport fih diversi skorettezzi. Dawn huma dawn li ġejjin;
- Malta diġà hija parti minn dan il-proċess għat-Twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew flimkien ma’ tnejn u għoxrin pajjiż ieħor;
- Mhuwa minnu xejn li f’xi mument kien hemm bidla fil-pożizzjoni tal-gvern. Dak li għamel il-gvern Malti huwa li wera prudenza fl-interess nazzjonali u stenna sabiex jara kif kien ser jiżvolġi dan l-Uffiċċju qabel ma ħa l-pożizzjoni li jissieħeb, hekk kif għamlu ħafna stati membri oħra;
- Ġara illi wara żewġ sejħiet pubbliċi u anke verifiki li seħħew wara, qed ikun hemm sfida kbira minħabba ċ-ċokon ta’ pajjiżna li jinstabu tliet persuni li jaspiraw għal din il-kariga u jitqiesu mill-Kummissjoni Ewropea [KE] li huma eliġibbli;
- Il-Ministeru qiegħed f’kuntatt kontinwu u regolari mill-KE sabiex tinstab soluzzjoni u hemm skedata telefonata bejn il-Ministru Edward Zammit Lewis u l-Kummissarju responsabbli mill-Ġustizzja Didier Reynders sabiex, fost oħrajn, tiġi diskussa din il-materja;
- Wara li din il-ġimgħa stess il-gvern ħabbar proposti b’saħħithom għal riformi fil-ġudikatura u f’istituzzjonijiet oħra li ġew ippubblikati wara li ntbagħtu lill-Kummissjoni Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, din l-amministrazzjoni hija kommessa li tiġġieled il-korruzzjoni u ssaħħaħ l-istrutturi tagħha kontra l-korruzzjoni, mhux biss fuq livell Ewropew, iżda anke fuq livell nazzjonali għal aktar tisħiħ tas-saltna tad-dritt u governanza tajba f’pajjiżna.