Il-Ministeru għall-Finanzi xejjen rapport ippubblikat aktar illum mill-gazzetta The Times li qal kif il-kuntrattur Charles Polidano, magħruf aħjar bħala ċ-Ċaqnu, wasal għal ftehim mal-Gvern dwar il-pendenzi tiegħu tat-taxxa.
Fi stqarrija skjetta l-Ministeru għall-Finanzi ċaħad b’mod kategoriku r-rapport tat-Times dwar dan il-ftehim.
Tenna li l-allegazzjonijiet tat-Times huma infondati u kompletament foloz.
Fil-fatt, il-Ministeru rrimarka d-dikjarazzjoni tal-Ministru Clyde Caruana fejn tenna li l-Gvern se jkun qed jiġbor it-taxxi kollha dovuti lilu filwaqt li hemm tolleranza żero għal min jevita jagħmel dan.
Dwar l-allegat ftehim maċ-Ċaqnu, il-Ministeru tenna li mhux minnu li ċ-Ċaqnu se jevita li jħallas proporzjon tat-taxxa billi jagħti xi propjetà lill-Gvern.
L-istqarrija temmet iċċanfar lit-Times għar-rapport tagħha.
Spjegat kif it-Times ma bagħtitx mistoqsijiet dwar din l-allegazzjoni lill-Ministeru sabiex tivverifika qabel tippubblika r-rapport.
Ikkonkludiet li gazzetta kredibbli għandha taġixxi aħjar.