Fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ mistoqsijiet ilbieraħ fil-Parlament mill-Oppożizzjoni, il-Ministeru għall-Ekonomija jippreċiża li f’Awwissu tal-2016 kien diġà ddikjarat pubblikament li s-Sinjura Sai Mizzi Liang kompliet tokkupa l-kariga ta’ Rappreżentant Speċjali għaċ-Ċina f’isem il-Malta Enterprise, wara li skada l-kuntratt oriġinali u dan sakemm tinsab persuna ideali biex tokkupa din il-kariga strateġikament importanti għal pajjiżna. Dan il-perjodu tranżitorju ma kellux jeċċedi sitt xhur mill-iskadenza tal-kuntratt oriġinali.
Sadanittant il-Korporazzjoni Malta Enterprise ippubblikat sejħa pubblika biex timla din il-kariga. Għalkemm, kif wieħed japprezza, mhux faċli tattira u ssib persuni bil-ħiliet neċessarji biex jokkupaw din il-kariga, għas-sejħa applikaw numru ta’ kandidati u attwalment il-Korporazzjoni għaddejja bil-proċess neċessarju biex fiż-żmien li ġej tappunta persuna oħra fil-kariga ta’ Rappreżentant Speċjali għaċ-Ċina.