Il-Ministeru għall-Edukazzjoni talab għal laqgħa ta’ konċiljazzjoni mal-MUT biex jiċċara l-partijiet fil-liġi proposta li qed toħloq ħafna mistoqsijiet minħabba interpretazzjoni skorretta. Hawnhekk il-parti fejn qed jingħad li l-att jiġi mħassar qed tiġi mifhuma ħażin li qed tirreferi għall- warrant. Din id-distinzjoni hija kruċjali. Fl-ebda ħin il-Ministeru ma rrefera għal tħassir tal-warrant.
Il-Ministeru qal li huwa lest jemenda u jikkjarifika din il-parti jekk b’xi mod tista’ tiġi interpretata li se tħassar il-warrant, għalkemm il-mod kif hija miktuba hija kompletament korretta, u lest ukoll li jtejjeb kull parti tal-liġi proposta, bi qbil mal-MUT. Fi stqarrija, il-Ministeru reġa’ tenna r-rieda tajba li jpoġġi madwar il-mejda u dawn it-tip ta’ miżinterpretazzjonijiet jiġu ċċarati.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni għandu kull interess li jsaħħaħ l-għalliema u l-edukaturi fl-iskejjel, u qiegħed man-naħa tagħhom. Temm jgħid li li kieku kien hemm kwistjoni fejn il-partijiet mhux jaqblu, wieħed jifhem li jkun hemm strike, iżda mhux ġust li t-tfal, ġenituri u edukaturi jiffaċjaw strike u l-konsegwenzi fuq il-pajjiż u fuq il-professjoni, meta mhemmx nuqqas ta’ qbil, u bl-istedina li għadha hemm li jekk hemm xi affarijiet li jridu jiġu kkjarifikati, il-Ministeru kien u għadu lest li jirranġa u jiċċara fejn hemm bżonn.