Entitajiet ewlenin tal-ilsien Malti juru tħassib tagħhom
B’reazzjoni għal dak li qalu s-sitt entitajiet tal-lingwa Maltija fi ħdan il-Kunsill waqt konferenza, li l-emendi proposti se jfaqqru l-ħidma tal-entitajiet akkademiċi li dejjem ħadu deċiżjonijiet dwar il-lingwa, dan għaliex l-emenda tgħid li l-Kunsill għandu jħaddan tlettax-il membru b’rappreżentati ġodda, il-Ministeru għall-Edukazzjoni saħaq li dawn l-emendi se jsaħħu l-Kunsill Nazzjonali tal-Malti.
Ġie spjegat li dwar din il-liġi saret konsultazzjoni pubblika wiesgħa u dettaljata li għaliha kien hemm rispons tajjeb minn kull persuna jew entità li ssottomettiet kritika u suġġerimenti kellha r-rispons tagħha analizzat u kkunsidrat.
Il-punt ewlieni huwa li t-tibdiliet fil-liġi huma meħtieġa biex iktar nies kwalifikati u kompetenti jkollhom l-opportunità jagħtu sehemhom fit-tisħiħ tal-lingwa Maltija.
L-emendi se jsaħħu lill-Kunsill tal-Malti għax se jwessgħu u jżidu l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni fl-ippjanar tal-lingwa tagħna. It-twessigħ fil-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-Kunsill u l-kumitati tekniċi tiegħu se jsir minn nies kwalifikati u ta’ stoffa. Fl-emendi ma jingħad imkien li l-Kunsill se jkollu persuni li mhumiex kwalifikati fil-Malti.
Fil-konsultazzjoni pubblika ħareġ ċar li fadal ħafna xogħol xi jsir biex il-lingwa tagħna timxi ’l quddiem, b’mod partikolari biex il-lingwa tkun rispettata u użata aħjar.
Fi stqarrija, l-Ministeru tal-Edukazzjoni spjega li ħareġ ċar ukoll li l-isforzi u x-xogħol li għamel il-Kunsill tal-Malti f’dawn l-aħħar snin, bis-sehem ukoll tal-Akkademja tal- Malti, u ħafna għaqdiet u entitajiet oħrajn, taw il-frott, imma mhux dejjem laħqu l-aspettattivi ta’ ħafna Maltin u Għawdxin. Il-Ministeru fisser l-apprezzamet tiegħu għax-xogħol kbir li jsir mill-għaqdiet tal-Malti u li dejjem tahom l-appoġġ kollu tiegħu u hekk se jibqa’ jagħmel.
Il-Ministeru qal li bl-inklużjoni ta’ aktar nies kwalifikati u kompetenti fl-ilsien Malti li jirrappreżentaw entitajiet u għaqdiet li wkoll għandhom għal qalbhom il-Malti, il-ħidma favur ilsienna se tiżdied u l-Kunsill se jissaħħaħ. Fi kliem il-Ministeru d-dibattiti u d-diskussjonijiet jixhdu l-interess li hawn fl-ilsien Malti u l-bżonn li l-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-Kunsill titwessgħa.