Il-Ministeru għall-Edukazzjoni ċaħad b’mod kategoriku dak li ppublikat is-Sunday Times dalgħodu. Fi stqarrija l-Ministeru qal li l-artiklu tal-gazzetta huwa mimli bl-ineżattezzi, nuqqas ta’ kuntest u għandu l-għan għewlieni li jħammeġ ir-reputazzjoni b’mod qarrieqi.
L-istess artiklu kien deskritt bħala partiġġjan fin-natura minħabba li l-problemi reali effettivament seħħew sew qabel Marzu tal-2013.
L-artiklu huwa intitolat ‘Evarist Bartolo ordered payment for irregular schoolworks’.
Il-Ministru spjega li l-każ imur lura numru ta’ snin u diġà ngħata l-attenzjoni mill-mezzi tax-xandir lura fl-2013, meta r-rapporti fil-midja indikaw li s-Sur Vella ta’ Avantgarde Proġett Limited mar għand il-Pulizija b’numru ta’ allegazzjonijiet dwar irregolaritajiet mill-persuna li tmexxi l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS) lura fl-2012.
Dan rigward l-istess offerta msemmija f’The Sunday Times, fuq xogħlijiet li saru fl-iskola tal-Ħandaq. Il-Ministeru qal li kellu jħallas kontijiet ta’ amministrazzjoni preċedenti, u li x-xogħlijiet imsemmija kienu kkummissjonati fl-2012 mingħajr ebda kas tar-regolamenti ta’ public procurement.