Fi stqarrija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni ċċara l-fatti kif ġara każ li ġie rrappurtat li seħħ fl-Iskola Medja tan-Naxxar, nhar it-Tlieta li għadda.
Ġie spjegat li kien hemm argument li żviluppa fi ġlieda bejn żewġ studenti ta’ 12-il sena waqt il-break. Il-ġlieda twaqqfet b’mod immedjat minn edukaturi li kienu fuq superviżjoni u t-tfal intbagħtu direttament fl-uffiċċju tat-tmexxija tal-iskola.
Waħda mit-tfal daħlet fil-kitchenette u qabdet sikkina mhux bil-ponta f’idha, imma b’mod immedjat trażżnet mill-edukatur li kien fuq superviżjoni.
F’din l-istqarrija ntqal li t-tmexxija tal-iskola ħadet azzjoni mill-ewwel. Dakinhar stess, it-tmexxija tal-iskola bagħtet għall-ġenituri u, minbarra passi dixxiplinarji fil-konfront tal-istudenti, l-istudenti qed jingħataw ukoll l-għajnuna neċċessarja fiċ-ċirkostanza mit-tim psikosoċjali tal-Kulleġġ.
Il-Ministeru qal li l-fatti huma dawn u li kull verżjoni oħra hija totalment skorretta u mkabbra mingħajr ma ġew ivverifikati l-fatti. Dan mhux biss joħloq allarm bla bżonn, imma wkoll jimmina l-ħidma u l-impenn tal-edukaturi fl-iskejjel kollha.
Il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, stqarr li l-ebda att ta’ vjolenza mhu qatt tollerat. Huwa rringrazzja lill-edukaturi tal-mod immedjat u effettiv kif ikkontrollaw is-sitwazzjoni f’dan l-inċident.
Intqal li l-Ministeru, kif dejjem jagħmel, anki f’dan il-każ, qed jieħu l-miżuri kollha biex jagħti l-appoġġ kollu lill-edukaturi.
Il-Ministru Grima talab ukoll lit-tmexxija tal-iskola biex tinvestiga l-każ, filwaqt li qal li jappoġġja l-passi kollha li ttieħdu mill-iskola.