Il-Ministeru għall-Edukazzjoni appella biex kulħadd jiddiskuti fuq il-fatti li tqiegħdu fuq il-medja u li ġew diskussa mill-unjin ma’ sezzjoni ta’ edukaturi.
Din l-istqarrija ħarġet b’referenza għal stqarrija tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, li fiha qalet li se tipposponi l-vot marbut mal-ftehim settorjali kif propost u maqbul bejn il-Gvern u l-unjin.
Intqal kif il-Ministeru jħares ’il quddiem biex dawn l-istess edukaturi kollha li huma milquta minn dan il-ftehim settorjali, ikunu qed jingħataw stampa ċara u veritiera ta’ dak li qed jiġi ofrut u ta’ dak li se jibbenefikaw minnu la darba dan il-ftehim settorjali jiġi ffirmat.
Il-Ministeru għall-Edukazzjoni sostna kif minkejja li ħarġet stqarrija konġunta, flimkien mal-Unjin tal-Għalliema l-ġimgħa l-oħra, li wriet li kien hemm qbil aħħari, il-Gvern fehem li l-unjin ħasset il-ħtieġa ta’ amplifikazzjoni ulterjuri.
Intqal li bħal dejjem, it-twemmin ta’ dan il-Gvern huwa li s-soluzzjonijiet jinstabu madwar il-mejda fejn sar sforz ieħor biex nassiguraw li l-ftehim jiġi ssiġillat mingħajr ma nippreġudikaw ir-rispett lejn l-edukaturi, it-tfal u s-sostenibbilità.
Il-Ministeru saħaq li l-Gvern jemmen bi sħiħ li dan huwa ftehim li joffri pakkett finanzjarju li jtejjeb il-ħlas b’ġustizzja lejn il-professjoni b’żidiet sostanzjali u titjib fil-kundizzjonijiet li jiżboq kull żieda li qatt ingħatat qabel lill-edukaturi kollha koperti b’dan il-ftehim.
“Il-Gvern se jkollu rwol importanti biex jinforma lill-edukaturi bil-benefiċċji li hemm f’dan il-ftehim settorjali”, temm jgħid il-Ministeru għall-Edukazzjoni f’din l-istqarrija.