Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej illum organizza attività virtwali biex jiċċelebra l-50 anniversarju mit-twaqqif tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Frankofonija (O.I.F.).
F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo irrefera għall-valuri komuni li Malta tħaddan flimkien mal-pajjiżi l-oħra f’din l-organizzazzjoni msejsa fuq is-solidarjetà, id-demokrazija u r-rispett lejn d-diversità tal-kulturi u l-lingwi. Il-Ministru Bartolo saħaq fuq l-importanza li nippromwovu dawn il-valuri u kif ukoll il-lingwa Franċiża li tgħaqqad bosta ġnus u sservi ta’ pont importanti f’Malta u lil hinn.
Immexxija minn Dr Marilyn Mallia, din l-attività saret bis-sehem ta’ studenti mid-Dipartiment tal-Franċiż fl-Università ta’ Malta li qraw letteratura mill-pinna tal-Prof. Joe Friggieri u Dott. Immanuel Mifsud li ġiet tradotta għall-ilsien Franċiż. Il-versi tagħhom kienu mżewqa b’siltiet melodiċi fuq l-arpa tal-mużiċist Jacob Portelli.
Lejn tmiem l-attività, li xxandret live fuq il-paġna uffiċjali tal-ministeru fuq Facebook, intwera filmat qasir li ġabar il-messaġġi tal-ambaxxaturi ta’ pajjiżi li huma akkreditati għal Malta u li huma membri tal-O.I.F.
Ritratti: DOI/MFEA