Il-Ministeru għal Għawdex kiseb mitħna rari tad-dqiq li taħdem b’mod manwali. Din il-mitħna tad-dqiq se tifforma parti mill-kollezzjoni li preżentement tinsab fil-Mitħna tar-riħ tax-Xewkija tas-Seklu 18, li ġiet restawrata fl-aħħar snin.
Il-mitħna manwali hija minjatura tal-Mitħna attwali, iżda mħaddma bl-idejn, u kienet essenzjali għall-produzzjoni tad-dqiq kemm fil-jiem tar-riħ kif ukoll f’dawk ta’ mingħajr riħ fi żmien il-gwerra, meta l-imtieħen ma setgħux jintużaw. Huma ftit dawk l-imtieħen manwali li għadhom jeżistu u din il-mitħna partikolari hija ġenwina u f’kundizzjoni tajba ħafna.
Il-mitħna nkisbet permezz tal-appoġġ tal-Bank of Valletta. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri rringrazzja lill-bank tal-appoġġ tiegħu għal dan il-proġett li se jservi ta’ attrazzjoni għal dawk kollha li jżuru l-Mitħna tax-Xewkija.
Matul is-snin, il-Mitħna tax-Xewkija serviet bħala sors ta’ edukazzjoni għat-tfal tal-iskola filwaqt li l-Ministeru għall-Edukazzjoni organizza folklor u avvenimenti tradizzjonali oħra. Barra minn hekk, il-kollaborazzjoni mal-MCAST u istituzzjonijiet akkademiċi post-sekondarji għadha għaddejja permezz ta’ aspetti differenti, fosthom il-Fiżika, l-Arti, u r-restawr.