Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana żaret ix-xogħlijiet li qed isiru fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra. Din hi waħda mill-bajjiet f’Għawdex li laħqet l-istandard tal-Blue Flag u li minn din is-sena hi taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru għal Għawdex.
Wara li nkisbu l-permessi meħtieġa mill-awtoritajiet kompetenti, ġiet installata walkway fuq ir-ramel u saru wkoll xogħlijiet ta’ tisbiħ u ta’ manutenzjoni.
L-akbar investiment sar fi Triq Għajn Ħosna, it-triq li mix-Xagħra tagħti għall-bajja tar-Ramla l-Ħamra. Il-Ministru Caruana rreferiet għall-koperazzjoni tal-kunsill lokali peress li nofs it-triq saret bis-saħħa tal-ftehim bejn il-Ministeru u l-istess kunsill u għalkemm il-fondi kollha nħarġu mill-Ministeru, kien il-Kunsill Lokali tax-Xagħra li ħa ħsieb il-ħruġ tat-tender biex saret parti mit-triq.
Issa li tlestiet nofs it-triq se jibda x-xogħol fuq in-nofs l-ieħor hekk kif qed jiġi finalizzat il-proċess tal-ħruġ ta’ tender ieħor mill-Ministeru għal Għawdex. B’hekk, Triq Għajn Ħosna li ilha snin fi stat degradat, se ssir kollha biex titgawda minn dawk li jżuru l-bajja tar-Ramla.
Il-Ministru qalet li, ‘Proġett Għawdex – toroq fil-lokalitajiet tiegħek’ imħabbar f’Diċembru li għadda, issa qed jidher u hu l-ikbar ammont ta’ xogħol ta’ toroq li qatt sar f’Għawdex f’sena waħda.
Ritratti: MGOZ