Waqt konferenza stampa, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li permezz ta’ dan il-ftehim, il-Ministeru għal Għawdex qed jibgħat messaġġ ċar li verament jimpurtah mill-wirt kulturali u naturali li joffri Għawdex. “Ilna għal diversi snin nisimgħu li l-Għar ta’ Calypso jeħtieġ interventi biex dan is-sit marbut mal-mitoloġija Griega ma jintilifx darba għal dejjem.
Flimkien ma’ Wirt Għawdex qed nikkommettu li nippreservaw dan il-post għat-tgawdija tal-pubbliku”, qalet il-Ministru Justyne Caruana. Spjegat li permezz ta’ dan il-ftehim il-gvern se jkun f’pożizzjoni li jistabbilixxi x’hemm bżonn isir biex dan l-għar jiġi konsolidat u b’hekk ikun jista’ jiġi salvat.
Il-Ministru spjegat li dan il-proġett se jkompli jsaħħaħ ir-rabtiet tajba li l-Ministeru għal Għawdex għandu ma’ Wirt Għawdex. Qalet li dan hu t-tieni ftehim li l-Ministeru għal Għawdex qed jidħol għalih ma’ Wirt Għawdex wara dak li fih ġew irrestawrati l-Barrakka u x-xelter tat-Tieni Gwerra Dinjija. Il-Ministru Caruana qalet li x-xogħol fuq Għar Calypso hu wieħed minn numru ta’ proġetti identifikati biex jiġu rrestawrati fiż-żmien li ġej. Faħħret il-ħidma ta’ din l-għaqda u assigurat is-sostenn kollu tal-Ministeru għal Għawdex għal aktar kollaborazzjoni fejjieda biex jiġu identifikati aktar siti storiċi u ta’ importanza u dawn jiġu rrestawrati u preservati.
Giovanni Zammit, is-Segretarju Eżekuttiv ta’ Wirt Għawdex, qal li kull meta l-għaqda ressqet xi proposti quddiem il-Ministeru għal Għawdex dawn dejjem intlaqgħu. Awgura li din il-kollaborazzjoni tkompli tagħti l-frott peress li Wirt Għawdex għandu għadd ta’ proġetti oħra ppjanati.
Preżenti wkoll kien hemm il-Perit Hermann Bonnici u l-Ġeoloġista Rodnick Xerri li taw spjegazzjoni dettaljata ta’ f’liema stadju waslu l-istudji fuq is-sit li jinkludu Topographic Surveys, 3-D Laser Scans uPhotogrammatic Surveys tal-għar.