Lil hinn mill-impressjoni żbaljata li ppruvat tingħata, b’rabta mal-ġlieda kontra l-Covid-19, fi stqarrija l-Ministeru għal Għawdex qal kif fil-gżira Għawdxija għaddejja ħidma għall-ġid ta’ kulħadd.
Dan b’referenza għall-istqarrija tal-Oppożizzjoni dwar l-għoti tal-vaċċin f’Għawdex.
Fl-istqarrija ntqal kif fi ftit jiem il-Ministeru għal Għawdex, flimkien mal-Ministeru għas-Saħħa, ikkonverta l-Gozo Conference & Expo Centre fir-Rabat Għawdex għal Ċentru Ewlieni ta’ Vaċċinazzjoni għal Għawdex.
Qal kif dan il-post għandu l-kapaċità li jakkomoda l-Għawdxin kollha bi programm estensiv ta’ vaċċinazzjoni fejn permezz ta’ dan ix-xogħol qawwi, l-Għawdxin se jkunu moqdija f’Għawdex stess, kif diġà ntqal kemm-il darba.
Fi stqarrija l-Ministeru qal ukoll li għalkemm dan il-fatt diġà ntqal pubblikament, u l-Oppożizzjoni għażlet li tħalli barra, li dawk l-għalliema li rċevew appuntament għall-vaċċin f’Malta, se jirċievu appuntament ġdid f’Għawdex stess.
Sostna kif il-ġlieda kontra l-Covid-19 m’għandiex tkun ballun politiku u kulħadd għandu jaħdem għall-interess nazzjonali b’mod matur u responsabbli.