Il-Ministeru għal Għawdex, fi stqarrija saħaq li x-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Blue Lagoon, f’Kemmuna, jikkonsistu biss f’titjib tal-infrastruttura eżistenti. Il-Ministeru qal li f’Kemmuna mhuwa qed isir l-ebda żvilupp ulterjuri u l-intervent li qiegħed isir iħares l-ambjent naturali ta’ din il-gżira. Dan wara diversi rapporti li deheru fuq mezzi tal-midja
Ix-xogħlijiet jikkonsistu f’dan li ġej:
- Qed jingħata wiċċ ġdid lill-passaġġ eżistenti u lill-moll bl-aggregate concretesabiex it-triq u l-moll ikunu aktar sikuri u aċċessibbli għal kull min iżur din il-bajja popolari. Il-passaġġ jifforma parti minn network diġà stabbilit u huwa essenzjali għall-aċċess għal Blue Lagoon. Il-passaġġ iddegrada matul is-snin u kien meħtieġ li jiġi rranġat mill-aktar fis possibbli. B’hekk, il-periklu eżistenti li tisfronda t-triq se jiġi eliminat. L-intervent li qed isir ser jitgħatta ladarba titlesta t-triq u għaldaqstant, it-triq ser terġa’ tiġi tikkumplimenta l-ambjent rurali tal-madwar. Mhu ser isir l-ebda tarmak jew passaġġi tas-siment.
- Wara konsultazzjoni mal-Enemalta, qed isir ukoll culvert baxx fiż-żona fejn qed isiru x-xogħlijiet biex jiġi eliminat l-użu ta’ generators tal-elettriku. B’hekk ser inkunu qed neliminaw jew innaqqsu b’mod drastiku t-tniġġis akustiku f’din il-bajja.
- Mhu ppjanat l-ebda fixed kiosk kif irrappurtat f’ċerti rapporti tal-midja.
- Qed tiġi msaħħa wkoll l-istruttura tal-moll eżistenti minħabba li n-natura, permezz ta’ erożjoni naturali, ħolqot kavità kbira u b’hekk il-moll m’għadux sikur għall-passiġieri.
Il-Ministeru għal Għawdex sostna li x-xogħol kollu li qed isir huwa skont il-permess maħruġ mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
Il-Ministeru għal Għawdex temm jgħid li hu kommess li jħares il-wirt naturali u kulturali li jinsab fil-gżira ta’ Kemmuna.