Il-Ministeru għal Għawdex mexxa u ffinalizza l-masterplan għal Marsalforn, approvat mill-Awtorità tal-Ippjanar. Dan wara li ġiet sottomessa l-applikazzjoni relattiva mill-Ministeru għal Għawdex – wara proċess ta’ konsultazzjoni pubblika mal-istakeholders kollha.
Il-masterplan ikopri żona ta’ 12,850 metru kwadru u jinkludi fost l-oħrajn Triq il-Port, Triq il-Forn, Triq San Ġużepp, Triq ir-Rabat u Misraħ Sir Michelangelo Refalo – kollha fil-qalba tal-port. L-għan tal-masterplan hu li tinħoloq sinerġija biex l-operaturi f’din iż-żona partikolari jkollhom linji gwida ċari ta’ kif u fejn għandhom japplikaw mal-awtoritajiet biex iżidu l-faċilitajiet turistiċi tagħhom.
Iċ-Chairman tal-Gozo Tourism Association, Joe Muscat, qal li l-assoċjazzjoni laqgħet b’sodisfazzjon l-approvazzjoni tal-masterplan għall-bajja ta’ Marsalforn mill-Awtorità tal-Ippjanar. “Dan hu masterplan importanti għas-settur turistiku għal diversi raġunijiet”, qal Joe Muscat. “Marsalforn hu post importanti ħafna għall-industrija turistika f’Għawdex u għalhekk inħasset il-ħtieġa li dan il-post ikun organizzat u dan l-għan se jintlaħaq kif jiġi attwat dan il-pjan. Għawdex qed jipprepara biex ikun ikkunsidrat bħala destinazzjoni ta’ kwalità u l-masterplan hu wieħed minn kullana ta’ inizjattivi li se jiġu implimentati”, ikkonkluda Joe Muscat.
Il-Ministru Justyne Caruana tat rendikont dettaljat kif il-Ministeru embarka fuq dan il-proġett ambizzjuż u kif permezz tal-konsultazzjonijiet mal-istakeholders intlaħaq ftehim. “Il-proċess mal-Awtorità tal-Ippjanar ġie eżawrit u issa hemm is-serħan tal-moħħ li kull min ikun irid japplika biex ikollu permess jagħmel dan fil-kuntest tal-masterplan”, spjegat il-Ministru Caruana. “Dan hu eżerċizzju san ħafna li se jwitti t-triq għal proġetti oħrajn fosthom li jsir studju dettaljat dwar u kif eventwalment għandu jinbena l-breakwater”, kompliet il-Ministru.
“Bħala l-Ministeru għal Għawdex, aħna kommessi li nkomplu ntejbu u ngħollu l-prodotti tagħna”, qalet Justyne Caruana. Il-Ministru rringrazzjat lill-periti fi ħdan il-Ministeru li ħadmu fuq dan il-proġett kif ukoll lil dawk kollha li pparteċipaw fid-diskussjonijiet biex jiġi miksub ir-riżultat mixtieq.