Il-Ministru Justyne Caruana, fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew iddedikat għas-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet, żaret diversi attivitajiet u qalet li s-solidarjetà trid tkun waħda tanġibbli u tħalli effett u impatt pożittiv.
Waqt attività fejn tfal tal-iskola ġabu lin-nanniet tagħhom, Justyne Caruana qalet li huwa importanti li nressqu l-ġenerazzjonijiet flimkien biex mhux biss jitgħallmu minn xulxin imma wkoll biex tisseddaq ir-rabta li hemm bejniethom u biex nifhmu l-isfidi reċiproki u ngħarfu kif għandna nkunu ta’ għajnuna u assistenza għal xulxin.
Permezz ta’ attività oħra li saret fuq inizjattiva tal-kunsill tal-istudenti fl-iskola primarja tar-Rabat, Għawdex tqajjem aktar għarfien dwar il-firxa wiesgħa tal-awtiżmu. Għal din l-attività, kien hemm preżenti l-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana flimkien mat-tfal, għalliema u l-amministrazzjoni tal-iskola.
Fost l-entużjażmu tat-tfal biex iqajmu aktar kuxjenza dwar din il-kundizzjoni li tolqot miljuni ta’ individwi u tfal madwar id-dinja, Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza li nkunu nafu aktar dwar l-awtiżmu. Hija qalet li filwaqt li din il-ġenerazzjoni ta’ tfal taf u għandha aktar għarfien dwar x’inhu l-awtiżmu u kif wieħed għandu jitratta u jikkomunika ma’ tfal b’din il-kundizzjoni, għandu jsir aktar sforz biex l-għarfien u l-kuxjenza jikbru, u b’hekk nimxu għal aktar inklussività fl-iskejjel u fil-komunitajiet tagħna.
Il-Ministru għal Għawdex ikkonkludiet billi saħqet fuq l-għan tal-ġurnata ta’ kuxjenza fuq l-awtiżmu fejn qalet li kull tifel u tifla għandhom potenzjal u abbiltajiet differenti, u jrid ikun hemm lok fejn nagħtu ċans biex dawn l-abbiltajiet joħorġu fil-beraħ u jinqasmu ma’ oħrajn.
L-attivitajiet tal-ġurnata ddedikata għas-solidarjetà iżżewqu permezz ta’ donazzjoni ta’ €3,800 lil Puttinu Cares. Dawn id-donazzjonijiet inġabru waqt attivitajiet tal-familja li l-Ministeru għal Għawdex organizza waqt il-festi tal-Milied u l-Għid li jiġu ċċelebrati f’Għawdex.