Il-Ġnus Magħquda għażlet l-4 ta’ Jannar bħala l-ġurnata biex tfakkar u tkabbar l-għarfien dwar l-importanza tal-użu tal-Braille bħala mezz ta’ komunikazzjoni għal persuni nieqsa mid-dawl.
Il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li l-istrateġija tal-gvern f’dan is-settur hi li kulħadd iħossu inkluż fis-soċjetà. “Kien għalhekk li dan il-gvern ħadem bla heda fis-settur tal-persuni b’diżabilità, kemm fil-livell lokali u f’dak Ewropew meta Malta kellha f’idejha l-Presidenza, fejn f’dan is-settur saret revoluzzjoni siekta u li minnha qed igawdu ħafna,” qalet il-Ministru Caruana.
Il-ministru semmiet li s-settur tal-persuni b’diżabilità hu għall-qalb il-Ministeru għal Għawdex u kien għalhekk li f’dan il-jum il-ministeru, bil-kollaborazzjoni ta’ Gozo Aid for Visually Impaired (GAVI), se jniedi programm ta’ taħriġ dwar l-użu tal-mowbajl għal persuni nieqsa mid-dawl. Il-Ministru Caruana fakkret f’ħidmiet li saru mill-Ministeru għal Għawdex biex aktar persuni jingħataw l-għarfien meħtieġ biex jikkomunikaw aħjar u jgħixu b’mod indipendenti.
Is-Sinjura Mary Rose Attard, f’isem Gozo Aid for Visually Impaired, qalet li permezz ta’ dan il-kors li se jkun sponsorjat mill-Ministeru għal Għawdex, persuni nieqsa mid-dawl se jingħataw taħriġ kif jagħmlu użu aħjar mill-ismartphones permezz ta’ applikazzjoni apposta li tista’ tintuża kemm fuq iOS jew fuq sistema Android. Qalet li llum il-ġurnata l-ismartphones saru oġġett essenzjali u għaldaqstant anke persuni nieqsa mid-dawl għandhom jagħmlu użu aħjar minnhom.
Kull min hu interessat li jattendi dan il-kors għandu jagħmel kuntatt ma’ Gozo Aid for Visually Impaired billi jċempel fuq 7955 0002 jew jibgħat email fuq maryrose.attard@icloud.com.