Tul is-sena li għaddiet, il-Ministeri tal-Gvern għamlu 786 talba lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku biex din tapprovalhom ħatriet qabel jingħataw.
Dan jirriżulta mir-rapport annwali tal-istess Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li l-missjoni tagħha hi li tagħti pariri u rakkomandazzjonijiet lill-Prim Ministru dwar ħatriet, promozzjonijiet, tneħħija u azzjonijiet dixxiplinarji fis-servizz pubbliku.Ir-rapport jindika kif il-Kummissjoni ħarġet 347 notifika b’rabta ma’ ħatriet wara proċess ta’ għażla, ħatriet posposti jew b’lura, tiġdid ta’ kuntratti u t-tneħħija ta’ ħatriet.
Ir-rapport juri wkoll li bejn Marzu u Diċembru tas-sena li għaddiet, il-Kapijiet tad-Dipartiment fis-Servizz Pubbliku ħadu 58 azzjoni dixxiplinarja.
Filwaqt li sal-aħħar tas-sena 18-il każ kienu għadhom pendenti, twaqqfu 14-il każ, disgħa ma nstabux ħatja, tmienja ingħataw twissija bil-miktub, tmienja oħra ġew sospiżi mix-xogħol mingħajr paga għal ħamest ijiem, u persuna inżammitilha ż-żieda.
Il-Kummissjoni għamlet ukoll 51 rakkomandazzjoni lill-Prim Ministru dwar każijiet li jinvolvu proċeduri kriminali kontra uffiċjali pubbliċi.
19 ġew irrakkomandat li jiġu sospiżi b’mod temporanju sakemm tinqata’ l-kawża. F’sebgħa oħra, il-kummissjoni rrakkomandat it-tneħħija ta’ sospensjoni prekawzjonarja, u ħames każi fejn l-uffiċjali ma nstabux ħajt. Il-bqija tal-każijiet ġew riżolti b’penali.
Il-Kummissjoni analizzat ukoll żewġ appelli dwar tkeċċija minħabba li marrux għax-xogħol mingħajr leave għal għaxart ijiem.
F’każ minnhom, il-Kummissjoni ma sabitx raġuni għala d-deċiżjoni tal-Kap tad-Dipartiment kellha tinbidel. F’każ ieħor il-Kummissjoni qablet li l-uffiċjal kellu jiġi eżaminat minn bord mediku.