It-Tlieta filgħaxija il-Ministru Ian Borg u l-Ministru Justyne Caruana ressqu mozzjoni fil-Parlament dwar il-proġett ta’ konnettivita’ permanenti bejn Malta u Għawdex.
Fil-mozzjoni ntqal li l-aktar proġett teknikament vijabbli huwa ta’ mina taħt il-baħar.
F’din il-mozzjoni l-Ministru għall-Infrastruttura u Trasport fakkar fil-miri, prinċipji u obbligi speċifikati mill-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar l-intenzjoni tagħhom li dan il-proġett ta’ konnessjoni permanenti bejn iż-żewġ gżejjer effettivament jkompli miexi ‘il quddiem biex finalment isir realta’.
“Dan kollu għandu jitwettaq bl-akbar reqqa u attenzjoni fl-aħjar interess ta’ pajjiżna u skont ir-regoli tal-ippjanar u l-ambjent ta’ Malta kif ukoll tal-Unjoni Ewropea”, saħaq il-Ministru Borg.
Il-Ministru Borg qal li proġett ta’ din ix-xorta se jsir fuq medda ta’ diversi snin allura f’leġislaturi differenti u kull Gvern għandu jimpenja ruħu li l-iżvilupp ikun wieħed sostennibli biex jibqa’ ppreservat il-ġmiel naturali, u l-identita’ kulturali u ambjentali tal-gżira tat-tliet għoljiet.