B’risposta għall-istqarrija tal-Front Ħarsien ODŻ iktar kmieni llum, Transport Malta ikkjarifikat dan t-tender pubbliku huwa pass importanti ieħor biex ikollna l-informazzjoni neċessarja biex isir id-disinn konċettwali tal-mina bejn Malta u Għawdex. Huwa pass li jrid jittieħed biex il-proġett jista’ jkompli.
Il-Front qal li l-offerta għall-istudju ġeoloġiku li inħareġ minn Transport Malta tqajjem mistoqsijiet importanti. Qal li jittama li l-istudju huwa verament intiż għall-evalwazzjoni xjentifika ta’ rotta sikura.
Fi tweġiba Transport Malta qalet li l-istudji se jipprovdu informazzjoni ġeoloġika li flimkien ma informazzjoni oħra se jservu bħala l-bażi biex jiżviluppaw l-allinjament u d-disinn tal-mina. Il-konsulenti barranin ta’ Transport Malta indikaw l-allinjament tal-boreholes għat-tender. Ibbażaw l-indikazzjonijiet tagħhom fuq studji u informazzjoni li għandna llum.
Il-konsulenti, Sintef, huma istitut ta’ riċerka bbażati fl-Iskandinavja b’iktar minn 60 sena esperjenza. Transport Malta qabbdet l-istitut biex jipprovdi servizzi konsultattivi t’esperti tekniċi għall-proġett tal-mina bejn Malta u Għawdex.
Sintef għandhom esperjenza estensiva t’iktar minn 30 sena ta’ tħaffir ta’ mini taħt il-baħar u ħadu diversi rwoli konsultattivi f’pajjiżi madwar id-dinja. L-esperjenza tagħhom ta’ tħaffir ta’ mini fin-Norveġja tpoġġihom fuq quddiem nett biex jipprovdu servizzi konsultattivi għal proġetti nfrastrutturali kbar u żgur li se jkunu ta’ benefiċċju għall-proġett.
Transport Malta ħarġet tender pubbliku. Qed tistieden xjentisti lokali jew konsorzji barranin biex jingħaqdu f’dan il-proċess biex il-proġett ikun jista’ jimxi ‘l quddiem.