Il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant qal li l-metodu li qed jintuża għall-militarizzazzjoni tal-UE mhux għaqli u probabbli joħloq kriżijiet ġodda fil-futur.
“Qed nieħdu l-impressjoni li l-militarizzazzjoni tal-UE proposta hija tweġiba mgħaġġla biex jingħelbu t-tentazzjonijiet li jerġa’ jsir xi ħaġa simili għal Brexit billi qed tinħoloq ankra – dik tad-difiża – li żżomm l-għaqda Ewropea. L-argument li l-UE għandu jkollha komponent ta’ difiża ma ġiex artikolat biżżejjed b’mod konvinċenti. Dan l-argument l-anqas ma ġie ikkontrastat bl-għażla li titwaqqaf struttura ta’ difiża konġunta Ewropea awtonoma.” qal Alfred Sant meta spjega għaliex kien qed jastjeni fuq ir-riżoluzzjoni “It-Twaqqif ta’ Fond ta’ Difiża Ewropea”.
Dr Sant qal li l-kunċett tal-Fond ta’ Difiża Ewropea qed jibda jinstema li hu xi żiemel Trojan għal militarizzazzjoni tal-proġett Ewropew. Dan jiddevja l-fondi ta’ investiment minn għanijiet “ċivili” ta’ difiża issa meta l-Unjoni qed taffaċċja tnaqqis fil-baġit tagħha. Għan fundamentali jidher li hu l-issussidjar ta’ kumpless militari-industrijali u kontinentali.
“Veru, jekk nippromwovu economies of scale fl-akkwist tal-armi u r-riċerka, il-fond jistimola aktar l-industrija tal-armi biex issir aktar kompetittiva u innovattiva minħabba l-armonizzazzjoni tas-sistemi eventwali użati mill-armati nazzjonali. Imma argumenti simili jkunu applikati għall-investiment f’setturi li mhumiex tad-difiża – kollha jew dawk ta’ riċerka ta’ xjenzi bażiċi. L-aptit għal din il-ħaġa hija inqas minn evidenti.”
Ir-riżoluzzjoni ġiet addottat b’337 voti favur, 178 voti kontra u 109 astenzjoni.