Bastiment militari Russu spara tiri ta’ twissija lejn bastiment tal-qawwa navali Ingliża wara li dan daħal f’ibħra territorjali Russi fil-Baħar l-Iswed, fin-Nofsinhar il-Krimea.
Ajruplan militari Russu wkoll waqqa’ l-bombi minn fejn kien għaddej il-bastiment Ingliż bħala twissija.
Rapporti qed jgħidu li l-Ministeru tad-Difiża tar-Russja ġie kkwotat jgħid li l-bastiment daħal sa tliet kilometri f’ibħra teritorjali tar-Russja imbagħad malajr dawwar denbu.
Min-naħa l-oħra, l-Gvern Ingliż ċaħad li ġew sparati xi tiri ta’ twissija u qal li bastiment militari Ingliż kien qed ibaħħar f’ibħra territorjali tal-Ukrajna.
Il-Krimea ngħaqdet mar-Russja wara kriżi politika fl-Ukrajna li rat lil Viktor Yanukovych jaħrab mill-Ukrajna u jitlef il-poter.
Il-biċċa l-kbira tal-komunità internazzjonali ma tirrikonoxxix lil Krimea bħala art tar-Russja.
Intant dan il-każ seħħ ġimgħa wara summit fl-Iżvizzera bejn il-President Amerikan Joe Biden u l-President Russu Vladimir Putin.
Qabel is-summit, iż-żewġ naħat kienu qalu li r-relazzjonijiet bejn il-Punent u l-Lvant huma ħżiena ħafna daqskemm kienu fi żmien il-Gwerra l-Bierda.