Il-grupp militari fil-Myanmar li għamel il-kolp ta’ stat qed ikompli jżid il-pressjoni fuq l-eks Gvern ċivili, bl-arrest ta’ mexxej anzjan mill-partit ta’ Aung San Suu Kyi.
Win Htein ittieħed minn daru f’Yangon kmieni nhar il-Ġimgħa.
Suu Kyi u mexxejja oħra ilhom jinżammu arrestatii minn mindu l-grupp militari wettaq il-kolp ta’ stat tiegħu nhar it-Tnejn li wasslet għal inċertezza kbira madwar il-pajjiż.
Għadu mhux magħruf fejn jinsabu miżmuma ż-żewġ mexxejja.
Il-militar waqqa’ l-Gvern ta’ Suu Kyi wara li sostna li l-elezzjoni ta’ Novembru ġiet mirbuħa minn Suu Kyi bi frodi. Dan minkejja li l-Kummissjoni Elettorali tal-pajjiż sostniet li ma kien hemm l-ebda evidenza li tissostanzja dawn l-allegazzjonijiet.
Din il-mossa wasslet għal rabja kbira saħansitra anke madwar id-dinja.
Fl-aħħar stqarrija tiegħu, il-President tal-Istati Uniti Joe Biden appella lill-militar tal-pajjiż sabiex jerħi l-poter minn idu u jeħles lill-uffiċjali u lill-attivisti miżmuma.