Sal-Milied, la bard u lanqas ksieħ. Hekk jgħid il-Malti. Madankollu, dan żgur mhux se jkun qiegħed jgħodd għal din is-sena.
Għaliex? Għax din is-sena, it-temp ukoll qed jgħin mhux ftit biex nidħlu sew fl-ambjent tipiku xitwi, bl-istaġun jibda s-Sibt li għadda.
Dan deher ukoll illum hekk kif qam riħ qawwi ivenven li laħħaq forza 7. U dan ir-riħ mhux ħa jkun qed ibatti, anzi mistenni jibqa’ qawwi.
Proprju dwar it-temp għal dan iż-żmien ta’ festi tkellimna mal-bassar tat-temp Patrick Zahra mill-Uffiċċju Meteoroloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
“Għada, dan ir-riħ se jkompli jdur lejn it-Tramuntana. Meta ngħidu lejn it-Tramuntana normalment żmien ix-xitwa jwaqqa’ t-temperatura aktar. Fil-fatt, fil-Milied, it-temperatura se tkun l-inqas waħda f’dan il-perjodu. Dan għax it-temperatura, l-inqas waħda l-minimu, se tkun sebgħa u l-ogħla waħda se tkun erbatax-il grad Celsius.”
Patrick Zahra, Uffiċċju Meteoroloġiku, MIA
Però, jirriżulta li din mhix l-inqas temperatura li qatt ġiet irreġistrata nhar il-Milied, lanqas.
L-aktar Milied kiesaħ ġie rreġistrat proprju fl-elf disa’ mija u sitta u tmenin fejn it-temperatura niżlet tlieta punt seba’ gradi Celsius.
Madankollu, it-temp għal għada xorta waħda mistenni jkun bix-xita.
“Kemm għada, kif ukoll fil-Milied, ix-xita se tibqa’ hemm. Mhux għax se jkun hemm affarijiet kbar, imma x-xita se tibqa’ hemmhekk. Tant hu hekk li jista’ jkun ukoll li, mal-ħalbiet tax-xita, jista’ jkollna ħalbiet tas-silġ. Dak li aħna ngħidulu l-freezing level niżel ħafna. Però, l-għada, għandu jkun aktar imsaħħab milli bix-xita.”
Patrick Zahra, Uffiċċju Meteoroloġiku, MIA
Għalkemm għadna ftit ’il bogħod mill-aħħar jum tas-sena u l-ewwel jum tas-sena l-ġdida, l-Uffiċċju Meteoroloġiku xorta għandu ħjiel ta’ kif se jkun it-temp f’dawn il-ġranet.
“Jidher li wara l-Istrina, minn hemm ’l hemm, almenu sal-Ewwel tas-Sena, jidher li xorta se jkun hemm xi maltempati … ftit xita, imma inqas riħ.”
Patrick Zahra, Uffiċċju Meteoroloġiku, MIA