Il-ħolm ta’ 2,400 tifel u tifla ser ikunu qed isiru realtà hekk kif ġiet uffiċjalment magħluqa is-6 edizzjoni ta’ Childrens’s Dreams.
Dan wara li bosta Maltin u Għawdxin wiegħdu u xtraw ir-rigal lil numru kbir ta’ tfal bi sfidi soċjali.
Remenda Grech mill-Aġenzija Appoġġ spjegat li din l-attività sarret parti mil-kalendarju Malti. Hija spjegat: “Din is-sena kienet suċess ieħor għal darb’oħra din kienet is-sitt edizzjoni fejn għal darb oħra il-poplu Malti u Għawdxi wera kemm din il-kampanja daħlet fil-kalendarju tal-Milied. Nista’ ngħid li kullħadd ikonkora bi ħġaru kullħadd ħafna nies li għamlu kuntatt magħna , li smajt għall-ewwel darba , hija kampanja li tolqot il-qlub.”
Din il-kampanja li kompliet tikber matul is-snin issir bil-ħidma ta’ bosta ħaddiema soċjali tal-Aġenzija appoġġ. Dan biex kull sena fil-Milied jinqatgħu bosta xewqat differenti.
Grech sostniet: “Ħafna mill-ħolm li kellna kien ħolm sempliċi ħafna allura ħafna ġugarelli, pupi ħolm ta’ innoċenza. Imma kellna wkoll ħolm ieħor ta’ dawk iż-żagħżugħ li xtaqu li jimxu il-quddiem fil-ħajja tagħhom. Allura xtaqu li jkollhom laptops, tablets biex mhux sempliċitament ikollhom riġal imma biex itejjbu l-ħajja tagħhom.”
Il-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali Michael Falzon, saħaq li kampanja bħal din tkompli turi l-qalb kbira li għandu l-Malti.
Il-Ministru Falzon stqarr: “Bl-ammont li kkontribixxa, qed nitkellmu l-fuq madwar €170,000 u dak huwa xhieda kbira tal-ġenerożità u ta’ soliderjetà soċjali ta’ pajjiżna li wieħed jawgura mhux biss fiż-żmien il-Milied imma sena kollha. Dak li jgħaqqadna għandna dejjem ninvestu fih.”
Intant b’din il-ġenerożità mwassla bl-aħjar mod f’dawn iż-żminijiet se titnissel ukoll tbissima fost it-tfal li diġà daqu xi ftit tal-morr fil-ħajja tagħhom.