Fi skiet, ħemda u paċi, flimkien bħala familja waħda jiċċelebraw is-sinifikat vera tal-Milied – it-twelid ta’ Ġesu Bambin.
F’Jum il-Milied, żorna l-Monasteru ta’ Santa Katerina fit-Triq ir-Repubblika l-Belt u hemmhekk iltqajna mal-Madre Mikelina Mifsud li flimkien ma’ erba sorijiet oħra reġgħu ċċelebraw milied ieħor flimkien.
“Il-Milied iġib miegħu ferħ, għaqda u mħabba. U nitlob ili f’din il-ġurnata jekk ikun hemm diżgwid fil-familji jittranġa.”
Madre Mikelina Mifsud spjegatilna kif f’Jum il-Milied bħal kull ġurnata oħra, qamet filgħodu u wara l-quddiesa bdiet tipprepara l-ikel għall-ikla ta’ nofsinhar.
Ikla speċjali, mhux biss għax hija l-ikla ta’ Jum il-Milied, imma minnha kienu se jieklu erba’ anzjani li m’għandhomx ma’ min jiċċelebraw jum il-milied.
Għaldaqstant, l-Madre qaltilna kif ħasbet li setgħet taqsam l-ikel li sajret ma’ dawn l-anzjani u b’dan il-ġest setgħet tferraħ lil dawn l-anzjani li se jqattgħu l-Milied fis-solitiduni.
“Ikunu anzjani waħdehom , raġel tat-80 sena mhux se jsaħħar allura jiġi magħna.
Madre Mikelina Mifsud ilha fil-monasteru għal dawn l-aħħar sitta u ħamsin sena, u rrakontat kif
żmien il-Milied huwa żmien nostalġiku fejn tiftakar fil-memorji sbieħ li kellha ma’ ħutha s-sorijiet l-oħra.
Hija rrakontat kif f’dawn iż-żminijiet tiftakar meta l-monasteru kien mimli ħajja u fih kien jgħixu sitta u tlettin soru. U f’Jum il-Milied kienu jorganizzaw attivitajiet bejniethom.
“Qabel konna nkun ħafna sorijiet niċċajtaw bejnietna u nilagħbu tombla.”
Illum fadalha biss memorji. Ma’ Madre Mikelina Mifsud, inżilna fil-kanierja li tinsab taħt il-monasteru fejn hemm midfuna aktar minn 31 soru.
Hemmhekk hija qalet talba għal ruħhom.
“O Mulej agħtihom il-mistrieħ tad-dejjem”
F’dawn ż-minijiet ta’ festi Madre Mikelina Mifsud awgurat li ma jintilifx is-sens reliġjuż ta’ din il-festa u li kulħadd jgħix l-ispirtu veru tal-Milied.
Fakkret lil kulħadd li minkejja hi u s-sorijiet l-oħra, jinsabu fil-Monasteru u ma joħorġux … jafu sew ir-realtajiet u l-problemi li jeżistu fis-soċjeta Maltija.
B’Madre Mikelina Mifsud qaltilna li huma jitolbu għal kull wieħed u waħda minna.
“Aħna nitolbu għal kulħadd. Nitolbu għal dawk li ġew għandna għax ma setax ikollhom tarbija u fl-aħħar nagħmlu quddies.