Ftit aktar minn 520,000 passiġġier qasmu l-fliegu bejn Diċembru u l-Ħadd li għadda meta niżel is-separju tal-festi tal-Milied.
Fil-fatt statistika tal-kumpanija Gozo Channel uriet li 18,500 passiġġier aktar qasmu l-fliegu matul dan il-perjodu iktar mill-istess perjodu ta’ qabel.
L-istess statistika wriet anki żieda notevoli fl-ammont ta’ vetturi li telgħu fuq il-vapuri tal-Gozo Channel.
L-aktar ġranet impenjattivi għall-Gozo Channel kienu l-għada tal-Milied u fit-2 ta’ Jannar.
Fil-fatt f’San Stiefnu qasmu ftit aktar minn 25,000 passiġġier u kważi 640 karozza fuq 100 vjaġġ operat mill-Gozo Channel.
L-għada tal-Ewwel tas-Sena, l-istess kumpanija operat 96 vjaġġ li bihom qasmu ftit aktar minn 25,400 passiġġier u sitt mija mitejn u ħamsa u għoxrin vettura.
Quddiem dawn ir-riżultati sbieħ għall-gżira tat-tliet għoljiet, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dawn iċ-ċifri juru biċ-ċar il-ħidma għaqlija tal-Gvern li anki permezz tal-programm ‘Milied f’Għawdex’.
Il-Ministru Caruana sostniet: “Illi matul dawn il-ġranet ta’ festa, il-programm kulturali illi ressaq il-Ministeru għal Għawdex ħalla l-frott u dan qed jgħiduh ukoll il-komunità kummerċjali mhux biss dawk relatati mal-industrija tat-turiżmu imma n-negozju inġenerali.”
Il-Ministru Caruana fakkret li Għawdex żied it-tkabbir ekonomiku bi 13% u issa dan jiżboq iktar dak ta’ Malta.
Intqal li fil-jiem u x-xhur li ġejjin f’Għawdex se jkomplu jiġu organizzati aktar avvenimenti kulturali ta’ livell, fejn ġa ġie mfassal kalendarju ambizzjuż iktar minn tas-sena l-oħra.
Dwar dan ingħaqad ukoll il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu Joe Muscat li rrimarka wkoll kif f’dawn il-festi li għaddew l-istabbilimenti turistiċi Għawdxin li joffru akkomodazzjoni rrappurtaw okkupanza tajba, kemm fil-lukandi Għawdxin, kif ukoll fis-setturi tal-farmhouses u tal-appartamenti.
Qal ukoll li f’dawn il-jiem l-istabbilimenti tal-ikel u x-xorb bħal ristoranti u postijiet ta’ divertiment kellhom klijentela tajba ħafna.
Ritratt: MGOZ