Il-migrazzjoni u l-ażil, iż-żona Schengen u s-sigurtà interna, kienu t-temi ewlenin diskussi waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern fi Brussell, li għaliha attenda l-Ministru Malti għall-Intern u s-Sigurtà, Byron Camilleri.
Waqt id-diskussjoni dwar il-migrazzjoni u l-ażil, il-Ministru Camilleri enfasizza l-importanza li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu evitati t-tluq u l-wasliet irregolari billi jiġu indirizzati l-kawżiet fundamentali tal-migrazzjoni f’pajjiżi terzi, jiġu sfaxxati n-netwerks tal-kuntrabandu, u l-pajjiżi ewlenin jiġu pprovduti bir-riżorsi meħtieġa fejn tidħol is-sorveljenza tal-fruntieri.
Waqt din il-laqgħa, il-Ministru Camilleri ppreżenta l-pożizzjoni konġunta li ġiet maqbula waqt il-laqgħa tal-Med5 li saret f’Malta tul it-tmiem il-ġimgħa li għadda.
Qal, “Fil-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Intern illum ġewwa Brussell, ippreżentajt dak li qbilna dwaru l-pajjiżi tal-Med5 fl-aħħar jiem ġewwa pajjiżna. Sostnejt li kollha kemm aħna naqblu ma’ politika tal-immigrazzjoni li tkun ġusta u kredibbli u għaliex jeħtieġ tkun kredibbli, jeħtieġ turi li tipprattika politika ġusta kemm ma’ dawk li għandhom dritt għall-ażil però anki ma’ dawk li m’għandhomx.”
Il-Ministru Camilleri saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jintbagħat messaġġ ċar li l-abbuż tas-sistema b’modi irregolari ma jsarraf f’xejn.
Anzi, ħafna drabi jirriżultaw f’sitwazzjonijiet li jwasslu għal telf ta’ ħajjiet fil-baħar, bħat-traġedja li ġrat fil-kosta tal-Kalabrija fl-aħħar jiem.
Qal, “Sostnejn ukoll kif jeħtieġ naħdmu fuq il-prevenzjoni, kemm għal dawk il-pajjiżi li huma meqjusa tal-oriġinu kif ukoll ma’ pajjiżi ta’ transitu, anki bil-għan li ma jkollniex telf ta’ ħajjiet kif sfortunatament għadna kif esperjenzajna matul l-aħħar jiem.”
Il-Ministru enfasizza l-ħtieġa ta’ sistema ġusta u appella għal mekkaniżmu ta’ solidarjetà permanenti u obbligatorja li taħdem u ttaffi l-piż fuq l-istati membri l-aktar milquta.
Hawnhekk semma l-importanza ta’ sistema ta’ ritorn effettiva, li tibqa’ waħda mill-pilastri ewlenin għal politika ta’ migrazzjoni soda u kredibbli.
Waqt il-laqgħa ġie diskuss ukoll l-istat ġenerali taż-Żona Schengen, bil-ħsieb li jkun hemm politika tal-viża aktar robusta.
Il-Ministri ddiskutew ukoll il-gwerra fl-Ukrajna, b’enfasi fuq aspetti ta’ sigurtà.