L-imigrazzjoni, l-ażil u s-sigurtá – prijoritajiet ewlenin għall-Presidenza Maltija tal-2017. Dawn it-tlett oqsma ġew diskussi matul żjara li għamel il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtá Nazzjonali, Carmelo Abela f’kamp għar-refuġjati f’Ateni. F’dawn it-taħdidiet ġew diskussi l-esperjenzi, kompetenzi u metodi ta’ ħidma komuni fil-konfront tal-migrazzjoni mill-Baħar Mediterran u tas-sigurtá fil-fruntiera tan-naħa ta’ isfel tal-UE.
Mal-Ministru Grieg tad-Difiża Nazzjonali, Panos Kammenos, kien hemm qbil li ż-żewġ pajjiżi għandhom jesploraw possibbiltajiet kif tista’ tkompli tissaħħaħ il-koperazzjoni fil-qasam tad-difiża bejn Stati Membri tan-Nofsinhar tal-Ewropa bħal Malta, il-Greċja, l-Italja u Ċipru, filwaqt li saħqu fuq il-bżonn li l-Istati Membri kollha tal-UE jirrealizzaw li din l-isfida tista’ tiġi indirizzata l-aħjar permezz ta’ approċċ strateġiku komuni Ewropew.
Fi kliemu l-Ministru spjega li “Waqt il-Presidenza tagħha tal-UE, Malta se tagħmel l-almu kollu tagħha biex jintlaħaq kunsens dwar kif l-UE għandha timxi biex tindirizza kemm id-dimensjoni interna kif ukoll dik esterna tal-migrazzjoni. Jinħtieġ li niżguraw li dawk il-migranti li ħaqqhom l-ażil jew il-protezzjoni jingħatawlhom mingħajr dewmien żejjed u jiġu integrati fil-komunitajiet tagħna, filwaqt li dawk li ma jikkwalifikawx jintbaħtu lura malajr kemm jista’ jkun. Sadattant, il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari jridu jiġu indirizzati b’serjetà b’kollaborazzjoni mal-pajjiżi tal-oriġini u tat-tranżitu, anki fil-kuntest tal-Pjan ta’ Azzjoni li tfassal fil-Laqgħa Għolja dwar il-Migrazzjoni li saret fil-Belt Valletta f’Novembru li għadda.”